Fid-dawl tal-fatt li l-esportazzjoni ġiet affettwata b’mod negattiv minħabba l-pandemija tal-Covid-19, Trade Malta għadha kemm nediet skema ġdida li l-għan tagħha huwa dak li tassisti lill-kumpaniji bbażati hawn Malta u li jridu jesportaw il-prodott tagħhom lil hinn minn xtutna.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri spjega kif l-għan ta’ din l-iskema huwa li jipprovdi lill-intrapriżi b’għajnuna finanzjarja biex jinvestu f’kampanji internazzjonali ta’ swieq diġitali u f’taħriġ fis-swieq diġitali u biex jiksbu rifużjonijiet għal spejjeż relatati ma’ esebizzjonijiet ta’ kummerċ li ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija.
Għal dan il-għan, Trade Malta se tkun qiegħda talloka s-somma ta’ €400,000 fejn qed ikun antiċipat li se jiġu megħjuna mal-120 kumpanija. Din l-iskema se tidħol b’effett immedjat u se tibqa’ fis-seħħ sal-aħħar ta’ din is-sena.
Il-Ministru Schembri spjega kif din l-iskema tkopri 50% tal-investiment li jkun sar kemm fuq swieq diġitali u taħriġ fi swieq diġitali b’capping massimu ta’ €10,000. Dwar ir-rifużjoni lill-kumpaniji li kienu se jipparteċipaw f’fieri internazzjonali iżda kellhom jitħassru minħabba l-Covid-19, huwa qal li se jkun qed jingħata rifużjoni sa massimu ta’ 80% għal dawk l-ispejjeż li ma tistax teħodhom lura, b’capping massimu ta’ €25,000.