L-Old Motors Club Malta organizza b’suċċess il-wirja annwali tiegħu ta’ karozzi statiċi b’risq Dar Tal-Providenza aktar kmieni llum, fejn inġabru €4,300 f’temp ta’ tliet sigħat biss b’appoġġ għar-residenza.
L-avveniment, li sar fil-festa pubblika ta’ San Ġużepp, ġie organizzat bejn id-9:00 ta’ filgħodu u nofsinhar fil-parkeġġ tad-Dar Tal-Providenza, u attira numru kbir ta’ viżitaturi u dilettanti tal-karozzi.
Madwar 140 vettura klassika u vintage, li jkopru aktar minn seklu ta’ storja tal-karozzi, ġew esebiti b’kburija mill-membri tal-klabb. Il-wirja ħolqot atmosfera ħajja u familjari, flimkien ma’ autojumble, ikel u xorb.
Il-fondi kollha miġbura waqt l-avveniment ingħataw b’risq Dar Tal-Providenza, b’appoġġ għax-xogħol siewi li jsir mar-residenti tagħha. Id-Direttur tar-residenza, Fr Martin Micallef, esprima l-apprezzament sinċier tiegħu, u rringrazzja lill-organizzaturi, il-parteċipanti u lill-pubbliku ġenerali għall-ġenerożità u l-appoġġ kontinwu tagħhom.
Il-Membru Parlamentari tal-Parlament Ewropew Peter Agius zar l-attivita, iltaqa mad-dilettanti u għamel id-donazzjoni tieghu għal-istess kawza, Il-preżenza ta’ Agius enfasizzat aktar l-importanza ta’ inizjattivi mmexxija mill-komunità li jgħaqqdu l-wirt kulturali ma’ kawżi ta’ karità.
Wara l-avveniment, Dennis Agius, ic-Chairman tal-Old Motors Club Malta u l-Events Coordinator Aldo Pace esprimew il-gratitudni tagħhom lejn kull min ikkontribwixxa għas-suċċess tal-wirja, u nnutaw li l-attendenza qawwija u l-fondi miġbura jirriflettu l-ġenerożità tal-membri tal-club u dawk li attendew il-wirja.
Il-klabb reġa’ kkonferma l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lil Dar Tal-Providenza u inizjattivi oħra ta’ karità, filwaqt li jkompli jippromwovi l-wirt rikk tal-motoring f’Malta.
L-appuntament huwa għad-Dsatax ta Marzu tas-sena d-dieħla fejn din il-wirja ser tidhol fil-ħames edizzjoni tagħha.

