Friday, December 20, 2024

€46,632 għal sewwieq ta’ mutur li ntlaqat minn karozza fl-2017

Aqra wkoll

Xufier li laqat sewwieq ta’ mutur waqt li dar biex jidħol f’parkeġġ ġie ordnat jagħtih kumpens ta’ €46,632 wara li nżamm responsabbli għall-inċident. 

Andre Spiteri u missieru John Mary Spiteri kienu fetħu kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-konfront ta’ Malcolm John Cachia u l-kumpanija tal-assikurazzjoni Argus Insurance Agencies. 

L-inċident kien seħħ fil-11 ta’ Lulju tal-2017 fi Triq Ħal Farruġ, viċin il-kumpless Montekristo fejn dakinhar kienet qiegħda tittella’ fiera.

Mill-provi li tressqu fil-Qorti rriżulta li s-sewwieq tal-mutur kien qiegħed isuq l-mutur tiegħu fuq il-karreġġjata ta’ barra sabiex jaqbeż it-traffiku u li ntlaqat minn karozza li kienet qed tinstaq minn Cachia, li dak il-ħin kien qiegħed jipprova jidħol fil-parkeġġ. 

Fost dawk li xehdu fil-Qorti kien hemm żewġ gwardjani li dakinhar tal-inċident bejn Cachia u Spiteri kienu qegħdin fuq il-post sabiex jidderieġu t-traffiku.

Quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale, gwardjan minnhom spjega li ħin minnhom ra lil Spiteri jtir minn fuq il-mutur fid-direzzjoni tal-għalqa li kienet qed tintuża bħala parkeġġ għall-karozzi. 

Ikkonkluda li għalkemm Cachia qabeż il-linja bajda kontinwa u beda dieħel fil-parkeġġ meta l-gwardjani tawh l-istruzzjoni biex jidħol huwa ma ndunax bit-traffiku li kien ġej.

Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Depasquale rrimarka li ftit bogħod kien hemm roundabout u sostna li Cachia seta’ dar magħha mingħajr ma jaqsam illegalment il-linji tal-karreġġjata.

Kien għalhekk li kkonkluda wkoll li Cachia ma osservax ir-regolamenti tat-traffiku u għalhekk żammu responsabbli tal-inċident. Meta ġie biex jaħdem il-kumpens qies li Spiteri kellu 25 sena meta seħħ l-inċident u sofra minn diżabilità ta’ 11%. 

Kien għalhekk li ordna lil Cachia u lill-kumpanija tal-assikurazzjoni sabiex bejniethom jagħtuh kumpens ta’ €46,632.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport