Il-familja ta’ tifel li ttajjar minn karozza waqt li kien sejjer għal-lezzjoni tad-duttrina rebħet €492,244 f’kumpens wara li mħallef żamm lis-sewwieq responsabbli tal-inċident.
Il-każ kien seħħ fis-6 ta’ Novembru 2006, għall-ħabta tas-6.30 p.m., waqt li Carl Falzon kien miexi matl Dawret Ħal Għaxaq fl-inħawi magħrufa bħala “Tal-Qattus”, ftit ‘il bogħod minn fejn joqogħod, biex imur għal-lezzjoni tal-MUSEUM.
Huwa u jaqsam minn fuq iz-‘zebra crossing’, li kellha wkoll il-‘pelican lights’, it-tifel ta’ 12-il sena ntlaqat minn vann misjuq minn Emanuel Schembri li miegħu kellu riekeb lil ibnu Stefan.
Bid-daqqa Falzon intilef minn sensih u spiċċa madwar 12.5 metri bogħod waqt li l-‘windscreen’ tal-vann infaqgħet. Huwa ttieħed l-ITU fejn dam tliet ġimgħat u anke kien fil-periklu tal-mewt.
Il-ġenituri tiegħu, Joseph u Josephine Falzon, fetħu kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn żammew lil Schembri responsabbli.
Għalkemm Schembri sostna li d-dawl kien aħdar meta baqa’ għaddej, l-Imħallef Joseph Micallef irrimarka li l-fatt li huwa stess ammetta li ma rax lit-tifel u li ma naqqasx mill-veloċita meta wasal quddiem iz-‘zebra crossing’ jagħmlu responsabbli tal-inċident.
Meta ġie biex jaħdem is-somma tal-kumpens huwa qies li Carl Falzon sofra diżabilità ta’ 57% u li dan affettwah milli jaqbad il-karriera li xtaq jiġifieri dik ta’ perit.
Kien għalhekk li l-Imħallef Micallef ordna lil Schembri, u lill-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħu, biex jagħti l-imsemmi kumpens lill-familja Falzon.