Saturday, January 18, 2025

€50,000 ta’ ġimgħa xogħol mill-esperti fl-inkjesta Vitals

Aqra wkoll

Ta’ ġimgħa xogħol, f’Settembru 2022, l-esperti fl-inkjesta Vitals imqabbda minn Jeremy Harbinson tħallsu €50,000. Ir-rata tal-ħlas kienet tlaħħaq sa €270 fis-siegħa. Dan it-taghrif inghata lbieraħ fil-Qorti mill-kontrollur finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti Bernice Bugeja meta kompliet tinsema waħda mill-kawżi b’rabta mal-koncċessjoni tal-isptarijiet.

Bugeja informat ukoll lill-Qorti li dawn l-istess esperti ppreżentaw żewġ irċevuti ta’ €5,000 u €9,000 biex erba’ minnhom għamlu numru ta’ ljieli fil-lukanda Excelsior fil-Floriana. U dan wara li iktar qabel kienu gew informati mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti sabiex jagħżlu lukanda irħas għaliex kienu qegħdin joqogħdu fil-lukanda Intercontinental f’San Ġiljan. 

Għall-mistoqsijet tal-avukati difensuri Bugeja xehdet li dan ix-xogħol tal-esperti sar għall-Maġistrata Gabriella Vella li ordnat l-injkesta Vitals. Hija bħala kontrollur finanzarju għamlet il-pagamenti u ma daħlitx fil-mertu tax-xogħol. L-avukat Franco Debono staqsa lil Bugeja jekk iqumux dubji meta tara li espert qed jitħallas somma esaġerata. Il-kontrollur finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti wiegbet illi mhux kompitu tagħha li tindaħal fix-xogħol tal-Maġistrata billi tistaqsiha għaliex tkun iffirmat riċevuta.

Mitluba tgħid jekk hemmx xi awtorità li tanalizza l-pagamenti li jitolbu l-esperti u tiddetermina jekk humiex esaġerati, Bugeja qalet li ma tafx li tezisti xi awtorità bħal din. Għal iktar mistoqsijiet tal-avukati difensuri Bugeja qalet illi ma hemmx capping dwar spejjeż li jsiru mill-esperti fuq lukandi, waqt li żiedet illi ma tiftakarx jekk l-inkjesta ħallsitx ukoll għal ristoranti li setgħu kielu fihom l-esperti. 

F’mument minnhom l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Generali talbu għal divjett fuq is-somom li tħallsu lill-esperti b’mod individwali għaliex qalu li diġà ġiet ippubblikata l-ispiża sħiħa tal-inkjesta. L-avukati difensuri oġġezzjonaw għaliex qalu li dan huwa fl-interess pubbliku. 

Jeremy Harbinson huwa l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals li kkordina x-xogħol kollu. Madankollu issa ilu ġimgħa jirrifjuta milli jimxi ma’ ordni tal-Qorti sabiex jiġi jixhed f’Malta. Għal dokument b’rabta mas-suppost kundizzjoni medika li għandha martu, li l-Qorti tagħtu jumejn cans biex jippreżenta, qed jgħid li għandu bżonn sitt ġimgħa. Anki jekk fl-istess ħin permezz tal-avukat Peter Fenech, magħruf  għal kemm huwa qrib tal-PN, qal illi t-tobba infurmawh li l-każ ta’ martu mhux wieħed ta’ urġenza. Madanakollu biex ma jiġix Malta, qed jgħid li ma jistax iħalli lil martu waħedha. 

Sa issa ġew Malta sabiex jixhdu quddiem il-Qorti dwar ir-rapport tal-inkjesta, l-esperti Sam Sittlington u Miroslava Milenovic. Riżultat tat-twegibiet li taw ħarġu dubji serji ħafna dwar il-professjonalità u l-integrità tagħhom, li fi kliem Harbinson innifsu, ħadmu taħt id-direzzjoni tiegħu. Fl-istess ħin ftit wara li kienet ippubblikata l-inkjesta, Harbinson beda proċeduri fejn iddikjara l-kumpanija tiegħu Harbinson Forensics, hija falluta.

Iktar kmieni din il-ġimgħa fi proċeduri separati, l-avukata Gianella de Marco ddikjarat illi l-esperti fl-inkjesta Vitals ħadu l-miljuni u ħarbu. 

L-inkjesta Vitals mhux biss swiet €11-il miljun iżda ħadet ħames snin biex titlesta u ġiet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju tas-sena illi għaddiet.

Il-każ ikompli fis-17 u t-18 ta’ Frar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport