Għall-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (Foundation for Tomorrow Schools) din is-sena hija mpenjattiva ferm b’diversi proġetti għaddejjin li flimkien ilaħħqu nvestimet ta’ €52 miljun. Din iċ-ċifra hija maqsuma fi tnejn: €42 miljun f’proġetti infrastrutturali u €10 miljun li qed jiġu investiti f’laboratorji ta’ suġġetti VET (Vocational Education and Training), investiment li huwa mifrux fuq sentejn.
Hemm diversi proġetti li jinsabu f’diversi stadji, minn bini ta’ skejjel ġodda sa’ rinovar u tkabbir ta’ skejjel oħra, sa’ moderniżżar ta’ klassijiet.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nhar il-Ġimgħa żar wieħed minn dawn il-proġetti li jinsab fl-iskola Sekondarja li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun fejn qed isiru xogħlijiet li huma mistennija li jitlestew sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss.
F’din l-iskola, li bosta jafuha bħala l-Liċeo, l-istudenti u l-edukaturi kien qed ikollhom inkonvenjent biex jimxu minn naħa għall-oħra tagħha. Meta wasal l-ilment għand l-Ministeru mill-ewwel ittieħdet azzjoni biex jinstab rimedju.
L-iskola hija magħmula minn żewġ binjiet prinċipali u biex dawk li jiffrekwentaw l-iskola jmorru minn naħa għall-oħra, jridu bilfors jinżlu fis-sular t’isfel. Flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada l-Ministeru ra li jinbnew footpath u footbridge fit-tieni u fit-tielet sular rispettivament bil-għan li tgħaqqad iż-żewġ binjiet minn kull sular. B’hekk se jitnaqqas ħafna ħela ta’ ħin għall-istudenti u għall-edukaturi, filwaqt li jagħmel il-ħajja tagħhom ħafna aktar komda.
Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ madwar nofs miljun Ewro u se jkun jista’ jintuża mis-sena skolastika li jmiss.
Imma dan mhuwiex l-uniku proġett li qed isir. L-akbar proġett f’dak li huwa valur u kobor, din is-sena, huwa bla dubju l-bini tal-iskola ġdida fil-Qawra, li miexi b’ritmu tajjeb ħafna u mistenni jitlesta din is-sena stess – proġett b’investiment ta’ €13-il miljun.
Il-Ministru Bonnici qalilna, “iktar ma jgħaddi ż-żmien qed naraw in-numru ta’ studenti dejjem jiżdiedu f’din il-parti tal-pajjiż, b’hekk ħassejna l-bżonn li tinbena skola ġdida f’dawn l-inħawi fejn l-iktar li rajna żieda fl-istudenti. L-edukazzjoni hija parti essenzjali minn ħajjitna u b’hekk ix-xewqa hija li uliedna jkollhom l-aħjar ambjent possibli biex jitgħallmu u jikbru fih. Kburi li dan il-proġett qed iseħħ u irrid nirringrazzja lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada tax-xogħol siewi li qed jagħmlu.”
Minkejja d-diffikultajiet kollha marbuta mal-Covid-19, il-ħaddiema tal-FTS baqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom biex dawn il-proġetti essenzjali ma jieqfux.
L-iskola Primarja ġdida tal-Qawra la tkun lesta minn hawn u ftit xhur oħra, se tilqa’ madwar 500 student u se tikkumplimenta l-iskola ezistenti f’San Pawl il-Baħar li se tibqa’ topera. Apparti l-klassijiet li wieħed jistenna li jsib fi skola, f’din il-binja se jkun hemm ukoll kindergarten u ċentru għall-ħarsien tat-tfal.
L-iskola se jkollha 39 klassi, sala li tkun tista’ tintuża għal skopijiet differenti, u faċilitajiet sportivi kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa. Id-daqs tal-iskola kollha se jkun ta’ 9,500 metru kwadru u sabiex kemm is-sala kif ukoll il-faċilitajiet sportivi ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw mill-komunità wara l-ħin tal-iskola, dawn se jkollhom entraturi separati.
L-iskola se jkollha wkoll lifts biex tkun aċċessibli għal kulħadd. Taħt l-iskola hemm żewġ livelli ta’ parkeġġ għall-karozzi b’daqs ta’ aktar minn 15,000 metru kwadru u li se jkun jakkomoda madwar 400 karozza.
Proġett ieħor li għaddej b’investiment kbir huwa fl-MCAST f’Raħal Ġdid u fil-kampus t’Għajnsielem, Għawdex. Infetħu wkoll bosta ċentri għall-ħarsien tat-tfal, Learning Support Centres għal studenti li għandhom sfidi edukattivi u soċjali, kif ukoll faċilitajiet sportivi, bħal ma’ huwa l-grawnd tal-futbol f’Santa Venera. Ma’ dawn hemm ukoll, kif issemma’, investiment strutturali qawwi li sar fl-iskejjel kollha biex setgħu jinħolqu laboratorji li fihom jingħata t-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali b’investiment totali ta’ €10 miljuni mifruxa fuq sentejn.
Aktar proġetti tal-FTS li huma proġetti maġġuri huma: il-bini ta’ Skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, tkabbir u mmodernizzar tal-Middle School fir-Rabat, Għawdex, bini ta’ Skola Primarja ġdida fl-Imsida, tkabbir u mmodernizzar tal-Iskola Sekondarja fiż-Żejtun, tkabbir u mmodernizzar tal-Iskola Primarja San Ġorġ f’Ħal Qormi, swali ġodda fis-Senior School tal-Kulleġġ San Tumas More f’Santa Luċija, u restawr tal-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta.
F’dan ir-restawr u tisbieħ tal-Iskola tal-Arti, bix-xogħol miexi b’ritmu tajjeb ħafna, hemm investiment ta’ €5 miljun u misteni jkun lest fix-xhur li ġejjin.
Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada qegħdin iwettqu xogħol tajjeb ħafna fuq din il-binja storika magħrufa bħala l-Iskola tal-Arti li tagħmel parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli. Il-Gvern huwa determinat li jsaħħaħ it-tagħlim tal-arti viżiva u performattiva f’pajjiżna u dan il-proġett huwa turija tar-rieda tagħna f’dan is-settur.
Dan il-palazzin eleganti u elaborat kien propjetà ta’ kavallier Franċiż fi żmien l-Ordni. Wara mewtu hu ħalla din il-binja lill-Ordni, għalhekk illum din hi propjetà tal-Istat. Għal xi żmien l-Iskola tal-Arti ħarġet minn din il-binja li bdiet tintuża bħala l-Qorti tal-Maġistrati. Xi snin ilu l-Iskola tal-Arti reġgħet lura f’dan il-palazzin.
Din l-iskola nfetħet fl-1926 f’Casa Tessi, magħrufa wkoll bħala Casa Brunet, fil-parti t’isfel ta’ Triq il-Fran, il-Belt Valletta.
Din l-iskola hija parti minn Kulleġġ għall-arti performattiva li għaliha u għall-Kulleġġ il-Ministeru għandna pjani sbieħ ħafna għalihom ukoll. Dan il-proġett se jibbenefikaw minnu mhux biss il-ħaddiema tal-Iskola tal-Arti u t-800 student u l-familji tagħhom, imma dawk l-istudenti kollha li fil-futur se jattendu fiha.
Proġett li kien bżonnjuż ħafna, għaliex sa ftit snin ilu kien qed ikun hemm rapporti mingħand il-pubbliku dwar twieqi tal-injam li waqgħu fit-triq u perikli li kienet akkumulat din il-binja matul iż-żmien. Issa li qed isir dan ix-xogħol ta’ restawr eċċellenti, l-istorja se tkun differenti għall-istaff u l-istudenti li se jsibu ambjent mtejjeb bil-bosta għal tagħlim u taħriġ iżjed effettiv. “Kull investiment fl-edukazzjoni tal-Arti huwa investiment għal soċjetà isbaħ biex ngħixu fiha,” qalilna l-Ministru Owen Bonnici.
Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada qed twettaq proġett ta’ restawr u tisbieħ tal-binja. Il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil tas-sistemi tad-dawl u l-ilma, ftuħ ta’ kmamar ġodda, installazzjoni ta’ lifts, u spazji moderni u komdi f’ambjent li jirrispetta l-wirt storiku.
L-għan tal-iskola tal-Arti li tagħmel parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli huwa li tipprovdi edukazzjoni tal-ogħla kwalità bbażata fuq metodoloġija u riċerka billi tipprovdi sfidi għall-istudenti sabiex jitgħallmu u jiskopru l-potenzjal tagħhom. L-iskola toffri diversi korsijiet tal-arti li jwasslu għal kwalifikazzjoni minn Livell 1, li huwa bażiku, sa’ Livell 5, li huwa ekwivalenti għal Diploma. Bħalissa l-Iskola tal-Arti għandha 800 student irreġistrat magħha minn 6 snin ‘il fuq.
Mill-ftuħ tagħha, l-iskola ħalliet influwenza kbira fil-progress u riċerka artistika fuq l-arti viżwali f’Malta. Hija kienet ukoll waħda mis-sorsi ewlenin għall-edukazzjoni fl-arti permezz ta’ taħriġ formali u scholarships lil artisti biex ikomplu l-istudji tagħhom barra minn xtutna.