Aktar minn 5,000 kumpanija u self-employed se jkunu qed jirċievu lura b’total ta’ €6 miljun f’rifużjonijiet tal-kontijiet tad-dawl, grazzi għal skema li ġiet imnedija mill-Malta Enterprise. Barra minn hekk, il-wage supplement qed jinħareġ kmieni, biex b’hekk qed inpoġġu €40 miljun fil-bwiet tal-ħaddiema u n-negozji.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-iskema tar-rifużjoni tal-kont tad-dawl għan-negozji, il-Ministru Dalli spejgat li dawn il-kumpaniji u negozji li qed joperaw minn Malta u Għawdex jimpjegaw ’il fuq minn 25,800 ħaddiem. Fost il-5,000 kumpanija li bdew jirċievu dan il-ħlas hemm 1,860 persuna li jaħdmu għal rashom.
“L-għan tagħna huwa li nkunu ta’ spalla għan-negozji, biex nassiguraw li l-familji u l-ħaddiema tagħna jkunu protetti. L-iskema tar-rifużjoni fuq il-kontijiet tad-dawl hija waħda minn numru ta’ għajnuniet li tajna u li se nkomplu nagħtu lin-negozji,” qalet il-Ministru.
L-iskema tar-rifużjoni tal-kont tad-dawl tħabbret bil-għan li tgħin lin-negozji matul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru. Malta Enterprise rċiviet 6,400 applikazzjoni u se jkunu qed jiġu mgħejjuna madwar 7,220 kont tad-dawl; fejn kumpanija kellha kont wieħed, din setgħet titlob għal rifużjoni sa massimu ta’ €1,500; negozji b’aktar minn kont wieħed setgħu jirċievu sa massimu ta’ €7,500, skont in-numru ta’ ħaddiema u l-wage supplement.
It-total f’għajnuna f’dawn iż-żminijiet tal-Milied se tkun qed tammonta għal madwar €40 miljun f’likwidità għan-negozji u s-self employed. Dan l-ammont jeskludi l-vouchers il-ġodda li se jkunu qed jibdew jingħataw minn Jannar.
“Nirringrazzja lill-Malta Enterprise li ħadmet biex tiżgura li mhux biss jitħallas il-maġġoranza tal wage supplement ta’ Diċembru imma irsistejna wkoll biex ikun jista’ jinħareġ l-ewwel round ta’ pagamenti tar-rifużjoni tal-kontijiet tad-dawl.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega kif bejn Marzu u Diċembru, ingħataw ’il fuq minn €320 miljun permezz tal-iskema tal-Wage Supplement. Minn din l iskema gawdew madwar 17,000 negozju u 85,000 ħaddiema. Il-Malta Enterprise tħaddem aktar skemi, fosthom dik tat-teleworking, il-leave tal-kwarantina u tar-rifużjoni fuq il-kirjiet.
“Dawn huma skemi li qed jgħinu li n-negozju jkun aktar b’saħħtu għal dawn iż-żminijiet u jkunu f’pożizzjoni biex iħallsu lill-ħaddiema tagħhom. Apparti dawn l-inċentivi, l-Malta Enterprise se tkompli taħdem fuq skemi oħra biex ngħinu lin-negozji jippreparaw ruħhom għall-futur permezz ta’ tibdil fl-operat tagħhom u biex jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jimxu ‘l quddiem wara l-pandemija,” qal Kurt Farrugia.