“Il-kunsilli lokali għandhom rwol kruċjali biex jiżguraw li l-investimenti mmirati lejn l-komunitajiet lokali jaslu fejn hemm bżonn u jkunu ta’ għajnuna soċjali għal bosta nies”, qal il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jindirizza sessjoni ta’ konsultazzjoni pubblika għall-kunsilli lokali dwar il-Pjan Nazzjonali ta’ Malta għall-Fond Soċjali tal-Klima.
Għal din il-laqgħa, li saret bħala parti mill-proċess konsultattiv marbut mal-Fond Soċjali tal-Klima tal-Unjoni Ewropea, kien hemm preżenti diversi rappreżentanti tal-kunsilli lokali u reġjonali kif ukoll is-Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej, Jonathan Vassallo.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza ta’ dawn is-sessjonijiet sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar programmi ta’ fondi Ewropej filwaqt li tingħata l-opportunità lill-kunsilli lokali sabiex iwasslu l-kontribut u l-proposti tagħhom. Huwa faħħar il-preżenza u l-impenn ta’ dawk kollha li attendew din is-sessjoni b’għan li jitfassal pjan realistiku u sostenibbli.
Matul l-attività, l-Uffiċjal Ewlieni tal-Koordinazzjoni Strateġika u l-Ippjanar għall-Fondi Ewropej, Debbie Cachia, ippreżentat il-punti prinċipali tal-pjan, b’enfasi fuq is-settur tat-trasport u l-inizjattiva ta’ servizzi komunitarji ta’ trasport immirata lejn persuni vulnerabbli. L-għan prinċipali huwa li permezz ta’ dan il-fond, madwar €6 miljuni ser jiġu investiti f’vetturi elettriċi u infrastruttura għall-iċċarġjar, biex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jipprovdu dawn is-servizzi. Apparti dan l-investiment, ser issir ukoll kampanja ta’ għarfien biex jiġi promoss dan is-servizz fost in-nies fil-lokalitajiet.
Dan il-pjan jifforma parti mill-impenn ta’ Malta lejn tranżizzjoni ekoloġika li ma tħalli lil ħadd barra, u huwa parti minn allokazzjoni totali ta’ €60.5 miljun għal Malta bejn l-2026 u l-2032.
Il-konsultazzjoni pubblika tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ Ġunju 2025 f’nofsinhar u l-pubbliku huwa mistieden jibgħat il-kummenti tiegħu permezz tal-pjattaforma publicconsultation.gov.mt jew fondi.eu.