Missier u iben li għandhom razzett fis-Siġġiewi kienu ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u €30,000 kull wieħed wara li nstabu ħatju li qatlu annimali b’mod illegali.
Il-każ kellu l-bidu tiegħu b’ittra anonima li waslet għand id-Dipartiment tas-Saħħa Veterinarja fejn intqal li kienu qed jiġu maqtula annimali fir-razzett fi Triq Lapsi fejn jgħixu u jaħdmu Vincent Schembri ta’ 70 sena u ibnu Giuseppi ta’ 36 sena.
Fil-15 ta’ Mejju 2018 grupp ta’ pulizija marru ma’ veterinarju marru fuq il-post fejn sabu diversi ksur tar-regolamenti relatati maż-żamma tal-annimali li kienu jinkludu baqar, mogħoż u nagħaġ.
Għalkemm mir-reġistru kien jidher li fir-razzett suppost kien hemm 310 annimal kien hemm 130 annimal nieqes waqt li 27 annimal mhux suppost li kienu hemm.
Il-pulizija u l-uffiċjali għall-ħarsien tal-annimali sabu wkoll kamra li fiha kien hemm ammont ta’ ganċijiet kif ukoll ġlud, widnejn u msaren ta’ annimali maqtulin friski li kien jindika qtil illegali riċenti.
Il-missier u l-iben tressqu mill-Ispettur Colin Sheldon quddiem il-Maġistrat Lia fejn din, wara li semgħet lill-pulzija kif ukoll uffiċjali oħra jixhdu, sabithom ħatja ta’ diversi akkużi relatati mal-qtil illegali u moħqrija ta’ annimali.
Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qieset il-fedina penali taż-żewġt irġiel fejn waqt li qalet li dik ta’ Giuseppi kienet netta fil-każ ta’ missieru dan instab ħati 45 darba fuq ksur ta’ liġi li fil-maġġoranza tagħhom kienet relatati maż-żamma tal-bhejjem u l-prodotti tagħhom.
Hija irrimarkat ukoll li huma ma wrew ebda rimors u minkejja li sostnew li għandhom passjoni għal xogħlhom sostniet li huwa diffiċli li dan jiġi emmnut anke meta jitqies li l-annimali fil-kustodja tagħhom kienu qed jinqatlu illegalment kif ukoll kien hemm tbatija u maltrattament.
Kien għalhekk li hija ikkundannathom kull wieħed sentejn ħabs li jidħlu fis-seħħ jekk jikkommettu reat ieħor fi żmien erba’ snin kif ukoll multa ta’ €30,000.
Il-Maġistrat Lia ordnat ukoll li l-annimali li dwarhom ġew indikati illegalitajiet li tagħhom ġew misjuqba ħatja l-missier u l-iben jgħaddu b’mod immedjat għand id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarju.