Monday, December 30, 2024

€62,000 għal pulizija tat-traffiku li ttajjar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Imħallef ordna raġel biex jagħti kumpens ta’ €62,000 lil pulizija tat-traffiku wara li żammu responsabbli għall-ġrieħi li sofra meta tajjru.

Anthony Galea fetaħ il-kawża kontra John Mary Caruana, u l-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħu, wara li żammu responsabbli tal-inċident li kien seħħ fil-5 ta’ Novembru 2015.

Kien għall-ħabta tas-6.000 a.m. meta waqt li Galea kien għaddej bil-mutur tax-xogħol minn ħdejn iz-Zona Industrijali ta’ San Ġwann huwa safa mtajjar mill-karozza misjuqa minn Caruana.

Caruana tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fejn anke ammetta l-akkużi li ikkaġuna ġrieħi gravi lil Galea u lil Eleanor Pullicino li wkoll kienet involuta fl-inċident.

Galea fetaħ kawża ċivili kontrih fejn żammu responsabbli tal-inċident li fih  spiċċa mitluf minn sensih, wara li nkiser il-‘crash helmet’, u spiċċa qatta disat ijiem fl-ITU minħabba l-ksur f’rasu.

L-Imħallef Lawrence Mintoff, li quddiemu nstemgħet il-kawża ċivili, żamm lil Caruana responsabbli anke fid-dawl tal-fatt li huwa kien diġà ammetta l-ħtija tiegħu fil-kawża kriminali.

Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens huwa qies li Galea kellu 48 sena, tilef ħafna żmien mix-xogħol kawża tal-inċident u li sofra diżabilta ta’ 35%.

Kien għalhekk li waqt li żamm lil Caruana responsabbli tal-ġrieħi li sofra Galea ordnalu li flimkien mal-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħu jagħtuh bejniethom €62,000 f’kumpens.

Ekonomija

Sport