Saturday, November 23, 2024

€63,000 għall-familja ta’ ġuvni li nqatel 20 sena ilu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ħut raġel li madwar 20 sena ilu inqatel fiż-Żurrieq rebħu €63,000 kumpens lil dak li qatlu. Emanuel u Antonia Camilleri kif ukoll uliedhom Aaron, Simon, Mary Gracy, Gino u Miram fetħu l-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Raymond Camilleri fejn talbu kumpens talli dan qatlilhom lil ħuhom Christopher.

Il-każ kien seħħ fis-6 ta’ Awwissu 1999, għall-ħabta tal-11.00 p.m., fi Triq Fortunato Dalli.

Mill-fatti li ħarġu b’rabta mal-każ irriżulta li l-vittma, ta’ 24 sena, kien waqqaf il-karozza tiegħu quddiem id-dar ta’ Raymond Camilleri bħal meta kien jagħmel kull meta kien imur iżur it-tfajla tiegħu li kienet tgħix fl-istess triq.

Raymond Camilleri, li dak iż-żmien kellu 43 sena, kien qal lil Christopher Camilleri li ma kienx qed jieħu gost b’dan kif għamel f’okkażjonijiet oħra.

Fl-imsemmi jum Christopher Camilleri mar lura lejn il-karozza tiegħu u ra li Raymond Camilliri jirriversja l-karozza għal fuq tiegħu.

Huwa mar fuqu u heddu li kien qed jitħajjar jaħraqlu l-karozza u anke tah daqqa ta’ ponn biex driegħu tax-xellug peress li l-oħra kienet fi-ġips.

Kien hawn li Raymond Camilleri daħal fil-garaxx tiegħu, ħareġ b’senter u kif ra li se jaħrab sparalu u laqtu.

Raymond Camilleri mar fuq Christopher Camilleri, li kien baxxut wara karozza, u reġa’ sparalu fejn qatlu fuq il-post qabel ma mar l-għassa u nforma lill-Pulizija. 

Huwa spiċċa għadda ġuri fejn għalkemm instab ħati tal-qtil il-ġurati ikkonkludew li huwa kien aġixxa għax ħass li kellu jiddefendi lilu nnifsu. Kien għalhekk li l-Imħallef Giannino Caruana Demajo ikkundannah sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

Il-kawża li l-familja fetħet kontra Raymond Camilleri nstemgħet quddiem l-Imħallef Joseph Micallef fejn dan għamilha ċara li l-vittma kellu sehem għal dak li ġara minħabba t-theddid tiegħu imma daqstant ieħor l-imġieba tal-ħati li kienet sproporzjonata.

Kien għalhekk li huwa iddeċieda li jagħti l-familja tal-vittma għandha tingħata €63,000 bħala kumpens għal dan il-qtil.

Sport