Monday, July 21, 2025

€632,153 miġbura mill-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Aqra wkoll

€632,153 inġabru għad-Dar tal-Providenza sa tmiem tat‑53 siegħa tal‑BOV Volleyball Marathon f’nofsillejl tal‑Ħadd, 20 ta’ Lulju 2025.

40 plejer, li ffurmaw ħames timijiet, baqgħu jilagħbu mingħajr waqfien. Il-Maratona bdiet il-Ġimgħa filgħaxija u kienet inawgurata uffiċjalment mill-Eċċellenza Tagħha Dr Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta. Il-maratona baqgħet sejra minn dak il-ħin.

Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzja lill‑poplu Malti u Għawdxi, li għal darba oħra wieġeb b’tant ġenerożità għas‑sejħa li saret biex jinġabru l‑fondi għad‑Dar, permezz tal‑Maratona tal‑Volleyball. Irringrazzja wkoll lill‑plejers, lill‑volontiera, lill‑membri tal‑kumitat organizzattiv, l‑isponsors kollha, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li xandru din il‑maratona, kantanti u bands, lill‑pulizija, lill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex din il‑Maratona tkun suċċess. 

Il-Ħadd filgħodu, l-Arċisqof Mons. Charles Scicluna ċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza assistit minn Fr Bernard Micallef u Mons. Martin Micallef fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Isportivi, bl-attendenza ta’ diversi sportivi Maltin. kif ukoll tar‑residenti tad‑Dar. Monsinjur Arċisqof sellem lill‑isportivi li ħadu sehem u lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fil‑Maratona tal‑Volleyball u qalilhom li min jiddedika ruħu għall‑isport ikun qiegħed jagħti każ tas‑saħħa tiegħu. Din hi l-kwalità ta’ ħajja li aħna bħala soċjetà għandna nfittxu.  

Din l-attività saret ukoll bħala parti miċ‑ċelebrazzjonijiet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fl-okkażjoni tal‑Ġublew il-Kbir tal-Tama. Fl-okkażjoni ta’ dan il-Ġublew, fid‑dinja Kattolika kollha, l‑insara u l‑bnedmin kollha ta’ rieda tajba qed ikunu mistiedna jkunu pellegrini tat‑tama fid‑dinja tal‑lum permezz ta’ atti ta’ fidi, karità u għaqda.

Minbarra l‑40 plejer li kienu l‑protagonisti ewlenin ta’ din il‑Maratona, kien hemm ukoll madwar mitt voluntier. Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u xorb u logħob għat‑tfal. 

Il‑maratona xxandret b’mod dirett fuq l‑istazzjonijiet tat‑televixin ewlenin f’pajjiżna waqt li Vibe FM kien l-istazzjon tar-radju uffiċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport