Thursday, December 26, 2024

€70,000 kumpens għal mara li sfat stuprata minn raġel ta’ ħaddiema soċjali

Aqra wkoll

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul ikkonfermat sentenza dwar kumpens ta’ €70,000 li ngħatat mara li ġiet stuprata diversi drabi meta kienet għadha taħt l-età u waqt li kienet taħt ordni ta’ ħarsien. 

Il-każ seħħ madwar 20 sena ilu. Minn dak li ħareġ fil-Qorti, jirriżulta li l-mara kienet ġiet impoġġija taħt ordni ta’ ħarsien meta kellha seba’ snin u kienet oriġinarjament mibgħuta f’żewġ istituzzjonijiet tat-tfal filwaqt li għamlet xi żmien ukoll fl-Isptar Monte Carmeli. 

Hija kienet tqatta’ tmiem il-ġimgħa ma’ diversi foster families u eventwalment bdiet tqatta’ tmiem il-ġimgħa mal-familja tal-ħaddiema soċjali tagħha. Hija allegat li f’dan iż-żmien sfat vittma ta’ stupru mir-raġel ta’ din il-ħaddiema soċjali. 

Tallega wkoll li meta kellha 14-il sena reġgħet sfat vittma ta’ stupru u għalkemm il-ħaddiema soċjali kienu rrapportaw dak li seħħ lill-pulizija, l-azzjoni kriminali kontra l-aggressur ġiet estinta bil-mewt tiegħu.

Hija żiedet tallega li kienet reġgħet ġiet aggredita u stuprata għal darba oħra minn żewġ ġuvintur u li għalkemm irrapportat dan lill-ħaddiema soċjali, dawn ma kienu għamlu xejn u ma ħadu l-ebda passi minkejja li l-aggressuri nfushom kienu ammettew mal-ħaddiema soċjali li kienu żammewha kontra l-volontà tagħha u stuprawha.

Qalet li wara ħafna snin hi kienet sabet il-kuraġġ sabiex tirrapporta din l-aggressjoni iżda minkejja li l-ħaddiema soċjali kienu orġinarjament ammettew magħha li naqsu mid-dover tagħhom li jipproteġuha, waqt il-proċeduri kriminali kienu għażlu li jikkontradixxu l-verżjoni tagħha. 

Qalet ukoll li minħabba dan kollu għadha tbati sal-ġurnata tal-lum minn trawma emozzjonali u psikoloġika kbira u li ftit li xejn sabet għajnuna jew protezzjoni minn dawn il-persuni li kien fi dmirhom li jipproteġuha u jħarsu l-benessere tagħha. 

F’Settembru li għadda, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sabet li n-nuqqas ta’ azzjoni immedjata u effettiva kien jammonta għal ksur tad-drittijiet fundamentali tal-mara u ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallasha €70,000 f’danni. 

L-Avukat tal-Istat imbagħad appella mis-sentenza fejn argumenta li l-aġir inkwistjoni mhuwiex imputabbli lill-istat għaliex m’hemm l-ebda ness ta’ kawżalità bejn l-allegati stupri u l-aġir jew xi omissjoni tal-istat. Isostni li ma jistax ikun li l-Istat jerfa’ fuq spallejh ir-responsabbiltà għal dak kollu li ġara lill-mara matul ħajjitha meta jirriżulta li għallinqas f’żewġ okkażjonijiet ittieħdu passi konkreti mill-Pulizija.

L-appellanta rribattiet li fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ kien indikat bħala miżura ta’ diliġenza imposta li l-Istat jaġixxi f’kull waqt bħala ‘bonus pater familias’ fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu u jippresta miżura ta’ sigurtà aktar għolja lil dawk fosthom ta’ età tenera. 

Hija nnotat ukoll li dan l-appell sar biss mill-Avukat tal-Istat filwaqt li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għamlet apoloġija pubblika minħabba dak li sofriet u qalet li “rape incidents should never gone unreported.” 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li s-somma ta’ €70,000 bħala kumpens morali kienet waħda ġusta fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ. “L-ewwel nett, dan kien każ partikolari li jitratta minorenni taħt il-kura u kustodja tal-Istat u diversi allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali mwettqa kontra l-appellanta meta kienet għadha taħt l-età li ma jirriżultax li ġew investigati b’mod effettiv.”

“Mill-provi jirriżulta li minflok għen lill-appellanta, l-Istat kompla aggrava l-vulnerabbiltà tagħha, tant li bil-konfużjoni li tnisslet fiha mill-awtoritajiet responsabbli dwar wieħed mill-istupri li għaddiet minnu meta kellha 14-il sena hija spiċċat tiddubita jekk kinitx verament ġiet stuprata u daħlet f’relazzjoni mal-allegat stupratur tagħha li kellu madwar 20 sena bil-pjena konsapevolezza tal-awtoritajiet statali,” qalet il-Qorti. 

Rilevanti għall-kumpens kienet ix-xhieda ta’ eks Spettur u llum psikoterapista li spjegat li l-appellanta “hija mara intelliġenti ħafna. Kieku kellha l-opportunitajiet f’ħajjitha mxiet ‘il quddiem, imma ma kellhiex min jieħu ħsiebha.” 

Il-Qorti qalet ukoll li l-mara ilha ssofri mit-tfulija tagħha u għadha u se tibqa’ ssofri l-konsegwenzi ta’ dak kollu li għaddiet minnu tul ħajjitha. Kien għalhekk li qieset li s-somma ta’ €70,000 kienet waħda ġusta fiċ-ċirkostanzi u ċaħdet l-appell tal-Avukat tal-Istat u kkonfermat is-sentenza fl-intier tagħha. 

Ekonomija

Sport