Friday, December 13, 2024

€700,000 għall-proġetti ta’ tħaddir f’diversi lokalitajiet

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża ppreżenta €700,000 lil diversi kunsilli lokali biex iwettqu proġetti ta’ tħaddir fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Grazzi għall-iskema ‘Urban Greening’, imħaddma minn Ambjent Malta, se jkunu qed jitwettqu 11-il proġett ambjentali bil-għan li jsebbħu żoni differenti, qrib il-komunità.

Kull proġett sottomess ġie evalwat fuq ħames kriterji li jinkludu l-element ambjentali tal-proġett, l-oriġinalità, l-impenn kulturali u l-benefiċċju lejn il-komunità, id-disinn estetiku u ż-żmien tal-implimentazzjoni tal-proġett.

Il-benefiċċjari ġew ippreżentati bil-ftehim mill-Ministru Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli u li bih jistgħu jwettqu l-proġetti tagħhom.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif permezz ta’ din l-allokazzjoni ta’ fondi se jkunu ffinanzjati 11-il proġett, fosthom f’Għajnsielem, fir-Rabat (Malta), fil-Ħamrun, f’Raħal Ġdid u fiż-Żejtun. Permezz ta’ dawn il-proġetti, ir-residenti se jaraw spazji ġodda fl-urban u riġenerazzjoni ta’ ġonna mitluqa għal ambjent aktar nadif.

“Bi proġett wara l-ieħor irridu nsebbħu l-lokalitajiet tagħna bi spazji ta’ rikreazzjoni isbaħ, aktar siguri u aktar sostenibbli. Se jkunu qed jiġu riġenerati żoni mitluqa biex jitjieb l-ambjent f’żoni urbani. Kif ġie mwiegħed fil-manifest elettorali, irridu li n-nies ikollhom aċċess għal spazji miftuħa, qrib kemm jista’ jkun fejn jgħixu jew jaħdmu,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern huwa kommess sabiex ikompli jipprovdi spazji ħodor u miftuħa għall-familji u l-komunità tagħna, li jservu bħala post fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu l-familji tagħhom.

“L-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja hija fil-qofol tal-ħidma tal-Gvern, għalhekk flimkien mad-diviżjoni tal-Gvern lokali se nkompli naħdem sabiex permezz ta’ aktar skemi nkomplu ninvestu fil-kunsilli lokali biex jitwettqu aktar proġetti ambjentali fuq livell lokali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Ekonomija

Sport