Friday, April 19, 2024

€700,000 għat-titjib tal-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà u vulnerabbli permezz tal-użu tat-teknoloġija diġitali

Iffirmat memorandum ta’ ftehim bejn il-MITA u l-FITA li jkopri perjodu ta’ tliet snin

Aqra wkoll

B’investiment ta’ iżjed minn €700,000 mill-MITA, ġie ffirmat memorandum ta’ ftehim mal-FITA li se jwassal għat-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabbiltà u dawk vulnerabbli permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informatika. Dan il-ftehim huwa bbażat fuq perjodu ta’ tliet snin u l-iffirmar tiegħu kien presedut mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Schembri saħaq fuq l-impenn tal-MITA biex it-tagħlim tal-ICT jasal għand setturi varji fil-komunità. Spjega kif b’mod fattwali dan il-ftehim se jwassal għall-kampanji ta’ edukazzjoni u għarfien, riċerka dwar l-użu tat-teknoloġija b’mod aċċessibbli, firxa iżjed wiesgħa ta’ korsijiet relatati mal-ICT, inkluż taħriġ b’mod individwali ta’ persuni b’diżabbiltà jew vulnerabbli, sabiex dawn jingħataw aktar attenzjoni. B’hekk, dawn l-individwi jitgħallmu b’mod aktar effettiv dwar l-użu tal-ICT f’postijiet differenti, inkluż dak tax-xogħol, skola jew dar. Se jsir ukoll studju li għandu jwassal għal iktar software applications bil-Malti, speċifikament għal min juża t-teknoloġija biex jikkomunika.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici faħħar l-isforzi tal-FITA, li qed taħdem bis-sħiħ biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni vulnerabbli permezz tat-teknoloġija, li qiegħda ssir dejjem iktar sofistikata u aċċessibbli u li tindirizza firxa ta’ bżonnijiet differenti. Hu rringrazzja lill-MITA tal-appoġġ b’saħħtu tagħha. “Tul iż-żmien tal-pandemija,” qal il-Ministru Bonnici, “rajna u esperjenzajna l-benefiċċji tat-teknoloġija. Għal ħafna nies, it-teknoloġija kienet l-uniku mezz ta’ komunikazzjoni u l-uniku mod sabiex iżommu l-kuntatt mal-kumplament tas-soċjetà u jevitaw li jkunu iżolati.” Huwa rrefera għall-konklużjonijiet tal-istrateġija għal wara l-COVID-19 u qal li dan il-ftehim jimxi id f’id ma’ dak li ġie rakkomandat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MITA s-Sur Tony Sultana saħaq li mill-aspett tal-kontribuzzjoni diretta f’termini ta’ flus, l-ammont ta’ madwar €350,000 se jkun indirizzat biex il-FITA tkun tista’ tingaġġa persuni biex jagħmlu kemm xogħol ta’ operat u kemm dak amministrattiv, kif ukoll fond ta’ flus għal ‘assistive technology’ li jkollha bżonn kull persuna li taħdem il-FITA u, fl-aħħar, fond biex il-FITA tkun tista’ tagħmel riċerka, taħriġ u tieħu sehem f’diversi proġetti relatati mat-teknoloġija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FITA s-Sur Carlo Stivala rringrazzja lill-MITA għall-appoġġ kontinwu tagħhom. Huwa qal, “Dan il-ftehim se jgħinna nkomplu nsaħħu l-isforzi tagħna biex l-ICT ikun iktar aċċessibbli għal kulħadd, inkluż persuni vulnerabbli jew persuni b’diżabbiltà. Aħna kommessi li nkomplu nsaħħu s-servizzi tagħna biex aktar nies igawdu minn kwalità tal-ħajja aħjar.”

L-għan tal-MITA hu li twassal kwalità tal-ħajja aħjar liċ-ċittadini Maltin kollha permezz tal-ICT. Ix-xogħol tal-FITA huwa dak li tagħmel l-ICT aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà jew dawk li huma vulnerabbli. 

Sport