Tuesday, November 25, 2025

€8,000 frankati f’taxxa tal-boll minn kull familja li gawdiet minn tnaqqis fit-taxxa tal-boll fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena

- Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza konferenza ta’ KPMG u Property Malta

Aqra wkoll

Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, il-first-time u s-second-time buyers frankaw mad-€69 miljun f’taxxa tal-boll fuq xiri tal-proprjetà. Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza organizzata minn KPMG u Property Malta. F’indirizz li għamel fil-bidu tal-konferenza, il-Prim Ministru rrimarka għal skemi b’saħħithom li daħħal il-Gvern biex kompla jgħin aktar nies, fosthom żgħażagħ, isiru sidien ta’ darhom. Qal li bl-iskema tat-taxxa preferenzjali tal-boll, fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena gawdew aktar minn disat elef familja li frankaw mal-qrib it-€8,000 kull wieħed bħala medja.

Il-Prim Ministru fakkar li fil-Budget tħabbar it-twessigħ tal-iskema equity sharing fejn issa żgħażagħ minn 25 sena ’l fuq jistgħu jgawdu minnha flok minn 30 sena. B’din l-iskema l-Gvern joħroġ nofs is-somma tal-proprjetà u x-xerrej irid jifdi s-somma sa 20 sena wara. Il-limitu tal-proprjetà għola għal €350,000. Din l-iskema hi fost oħrajn li jeżistu fejn il-Gvern qed jgħin favur akkomodazzjoni affordabbli. Skemi oħra jinkludu l-għotja ta’ €10,000 lill-first-time buyers, l-għotjiet b’saħħithom għal min jinvesti fi proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana u r-rifużjoni tal-VAT għar-rinovazzjoni tal-proprjetà. Fakkar ukoll li min jinvesti fi proprjetà b’enerġija effiċjenti bi prattiċi sostenibbli jista’ jirċievi għotja oħra sa €9,000.

Il-Prim Ministru rrefera għal studju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li jgħid li huma biss kwart tas-sidien ta’ darhom f’pajjiżna li għad fadlilhom xi self biex iħallsu filwaqt li fl-Ewropa r-rata hija ta’ tliet kwarti tas-sidien ta’ darhom. Spjega wkoll li żewġ terzi bl-inqas dħul xorta huma sidien ta’ darhom f’pajjiżna kontra n-nofs ta’ dawk bl-inqas dħul fl-Ewropa.

Dr Abela semma wkoll kif il-Gvern kompla jinvesti fil-familji frott is-saħħa ekonomika li għandu l-pajjiż fosthom b’tax cut wara l-oħra li żżid il-pagi tan-nies. Qal li statistika tal-EUROSTAT turi biċ-ċar li l-paga medja f’pajjiżna fl-aħħar ħames snin żdiedet b’aktar miż-żieda kollha li kienet seħħet bejn is-sena 2000 u s-sena 2012. Din tfisser żieda ta’ aktar minn €6,600 fis-sena. Dan fl-istess waqt li l-qgħad niżel fl-inqas livelli storiċi. 

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll kif l-ekonomija Maltija qed tingħata ċertifikati eċċellenti fosthom mill-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). Il-Prim Ministru qal li l-IMF qed jgħid li Malta se jkollha l-aktar ekonomija dinamika fl-Ewropa sal-2030. Qal li s-saħħa ekonomika tagħti l-opportunità lill-Gvern ikompli jinvesti u jagħtu futur isbaħ lill-familji.

Fl-istess konferenza tkellem il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard. Dr Attard tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern biex jittrasforma s-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà f’mudell ta’ eċċellenza, sostenibbiltà u fiduċja. Sostna li s-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà mhux biss huwa pilastru tal-ekonomija Maltija, iżda element kruċjali fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu. “Il-progress ma jistax jitkejjel biss bin-numri, iżda bil-kwalità, is-sigurtà, is-sostenibbiltà u t-trasparenza,” qal il-Ministru. Ir-rapport ta’ KPMG ppreżentat waqt il-konferenza jikkonferma l-importanza strateġika tas-settur, li jġib miegħu responsabbiltà akbar biex l-industrija topera b’integrità u professjonalità. Fisser bħala inizjattiva storika il-ħidma li se twassal il-ħolqien tal-ewwel Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, li se jintroduċi standards ċari u infurzabbli għas-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-kwalità.  Il-Ministru enfasizza li s-sostenibbiltà tibqa’ fil-qalba tal-viżjoni tal-Gvern. Skemi bħall-Irrinova Darek u Ixtri Propjetà Sostenibbli se jkomplu jiġu sostnuti, flimkien ma’ żewġ skemi ġodda għas-sena d-dieħla. Dr Attard irringrazzja lill-istakeholders kollha għall-impenn tagħhom biex jissaħħaħ id-djalogu u l-professjonalità fis-settur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport