Il-kawża li l-għaqda Repubblika fetħet kontra l-Gvern Malti fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja se tiswa lil dan tal-aħħar €80,000 fi spejjeż legali.
Kien id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li qed jidher għall-għaqda fl-istess każ, li staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis kemm se jiġuh jiswew l-avukati Spanjoli li l-Gvern qabbad biex jgħinuh fil-kawża dwar il-ħatriet tal-ġudikatura.
Zammit Lewis beda biex wieġbu li huwa kellu kunflitt ta’ interess multiplu bħala r-rappreżentant legali tar-Repubblika u l-irwol tiegħu bħala deputat tal-Parlament Malti.
Huwa semma wkoll kif l-użu ta’ avukati minn stat ieħor Ewropew f’kawżi internazzjonali hija prassi mifruxa fost l-istati membri tal-UE kif kien jiġri wkoll fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti u għamilha ċara li hija skont ir-regoli tal-UE.
Kien fl-aħħar tat-tweġiba tiegħu li Zammit Lewis irrimarka kif l-azzjoni kapriċċuża li fetħet ir-Repubblika se tiswa lill-pajjiż €80,000 fi spejjeż legali.