F’erba’ snin, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin iffrankaw €850 miljun f’kontijiet tal-enerġija, li jinkludu kontijiet tad-dawl, fjuwil u LPG. Dan stqarritu l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli fil-Parlament.
“Fl-aħħar erba’ snin daqshekk kien ikollhom joħorġu minn buthom il-konsumaturi Maltin fuq kontijiet tal-enerġija u prezzijiet ogħla tal-fuel, li kieku smajna mill-Kap tal-Oppożizzjoni u sħabu,” qalet il-Ministru Dalli waqt dibattitu dwar mozzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista dwar l-għoli tal-ħajja.
“Fi żmien tmexxija Nazzjonalista, il-Maltin spiċċaw iħallsu fost l-ogħla prezzijiet fl-Unjoni Ewropea. Illum għandna tmexxija Laburista li wara li raħset il-prezzijiet fl-elfejn u erbatax (2014), żammithom stabbli fl-iktar mumenti diffiċli u saħansitra raħset il-prezz tal-fjuwil matul il-pandemija,” qalet Miriam Dalli.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kemm-il darba stqarr li s-sussidji mhumiex għażla sostenibbli. Eżempji miġjuba mill-Gvern jindikaw li l-għajnuna mogħtija fuq il-kontijiet tad-dawl hija waħda sostanzjali. Per eżempju, familja ta’ erba’ persuni li s-sena li għaddiet kellha kontijiet totali ta’ madwar €735 kien ikollha €523 iktar, li kieku l-Gvern ma tax l-għajnuna.
Fil-każ tal-fjuwil, il-prezz tad-diesel f’Malta huwa ta’ €1.21 il-litru, mqabbel mal-medja Ewropea ta’ €1.63. Fil-każ tal-petrol, il-prezz f’Malta huwa ta’ €1.34 mqabbel mal-medja ta’ €1.70 fl-UE.
Ċilindru ta’ 12-il kilo li jinxtara €15, suppost jinbigħ €23.75, u dak ta’ 15-il kilo jinbigħ €18.75 minflok €29.70.
“Dik hi l-għajnuna kbira u kbira ħafna li qed nagħtu lill-familji u n-negozji. B’responsabbiltà ngħid, għażilna dik it-triq li l-iktar tħalli effett pożittiv u dirett f’ħajjet in nies,” saħqet il-Ministru Miriam Dalli.