Friday, December 13, 2024

€90 miljun għal pjan ta’ azzjoni tal-Enemalta biex issaħħaħ s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku

Aqra wkoll

Beda jitwettaq il-pjan ambizzjuż tal-Enemalta biex sal-2027 tkun investit mad-€90 miljun ibiex isaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Dan bil-għan li tiżdied l-istabbilta’ fil-provvista tal-elettriku għall-familji u n-negozji.  

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif l-Enemalta qed taċċelera pjan ta’ azzjoni biex isiru investimenti varji, li flimkien għandhom l-għan li jsaħħu n-network tal-pajjiż.

“Dan il-Gvern wera’ l-impenn tiegħu mhux biss li jżomm prezz stabbli għall-elettriku iżda li tkun garantita l-istabbiltà tal-provvista, minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali. Fl-istess ħin l-Enemalta qed taħdem biex timmodernizza l-infrastruttura tal-pajjiż biex tindirizza kemm apparat antik u ż-żieda fid-domanda,” qalet il-Ministru Miriam Dalli. 

Id-domanda tal-elettriku qed tiżdied b’aktar minn 10% fis-sena, grazzi għat-tkabbir tal-ekonomija u titjib fil-kundizzjonijiet soċjali.  

“Biex insaħħu s-sistema ta’ distribuzzjoni, l-Enemalta qed talloka mal-€15-il miljun fis-sena. Fost oħrajn, dan il-pjan jinkludi żieda ta’ bejn 40 u 50 substation ġdida kull sena, liema substations se jkunu awtomatizzati.”

L-investiment f’substations ġodda waħdu jaqbeż iż-żewġ miljun ewro fis-sena. Barra minn hekk, l-immodernizzar ta’ substations eżistenti, inkluż it-tibdil ta’ switchgears u l-awtomazzjoni, huwa ta’ madwar miljun u nofs fis-sena.

Filwaqt li din is-sena, aktar minn kwart tas-substations madwar Malta u Għawdex se jkunu awtomatizzati, din iċ-ċifra se tkun qed tirdoppja sas-2027. Huwa mistenni li n-numru ta’ substations jitla’ għal 1,900 biex b’hekk 950 substation jkunu awtomatizzati. B’dan it-target, in-network tal-pajjiż ikun kollu awtomatizzat.

Fil-preżentazzjoni tiegħu lill-ġurnalisti, iċ-chairman tal-Enemalta, l-Ing. Jonathan Scerri saħaq li l-Enemalta tat spinta lit-twettieq ta’ proġetti u interventi varji, bħala parti mill-ewwel fażi tal-pjan ta’ azzjoni.

“B’dawn l-investimenti s-sistema tad-distribuzzjoni tkun tista’ tlaħħaq maż-żieda fid-domanda għall-elettriku, jonqsu l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku u jitqassar il-ħin tal-interruzzjonijiet,” spjega l-Ing. Scerri.

Interventi oħrajn li qed isaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni jinkludu tibdil tal-linji u l-installazjoni ta’ line voltage regulators f’diversi lokalitajiet, bħal Ħad-Dingli, l-Imtaħleb u l-Kalkara. 

Investimenti kapitali oħra jinkludu t-tkabbir taċ-ċentri tad-distribuzzjoni ta’ Ħal Tarxien, l-Imrieħel u Marsascala u l-bini ta’ Ċentru tad-Distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar. 

“Dawn il-proġetti bejniethom jinvolvu investiment ta’ madwar €15-il miljun,” qal l-Ing Scerri.

Il-Ministru Dalli fakkret kif il-pajjiż qed jaħseb għal aktar stabbilta’ fil-provvista tal-elettriku permezz tat-tieni interconnector. Għal dan il-għan, l-Enemalta se tinvesti €6 miljun f’cable tal-132kv mill-Magħtab għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Mosta.

“Nirringrazzja lill-ħaddiema u t-tekniċi tal-Enemalta li qed jaħdmu lejl u nhar biex iwieġbu għal ħtiġijiet tal-klijenti u tassigura li l-pajjiż ikollu provvista stabbli ta’ enerġija elettrika. Din hija ħidma kontinwa, inkluż b’manutenzjoni regolari tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku,” ikkonkludiet Miriam Dalli.

Ekonomija

Sport