Saturday, November 23, 2024

€900,000 għal Ingliż li spiċċa paralizzat f’inċident li seħħ f’Malta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Imħallef ordna kumpanija Maltija tagħti €900,000 f’kumpens lil Ingliż ta’ 61 sena wara li dan qasam dahru u spiċċa paralizzat għal kollox waqt rikba fuq ‘crazy sofa ride’ ‘il barra mill-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.

Kienet Christine Hannah Burns li f’isem żewġha John Burns fetħet il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ta’ Malta kontra Paul Ebejer bħala d-direttur tal-kumpanija Sun ‘n’ Fun Limited u Luke Curmi li kien impjegat tagħha.

L-inċident kien seħħ fil-25 ta’ Lulju 2007 meta Burns, li dak iż-żmien kellu 48 sena, ġie għal btala f’Malta mal-istess martu u ibnu Martin li dak iż-żmien kellu 16-il sena.

Huma kienu qed joqgħodu f’lukanda f’San Ġiljan u fil-jum imsemmi ibnu tħajjar jirkeb il-‘crazy sofa ride’ fejn ‘speedboat’ tiġbed bħal sufan li fuqu jkun hemm numru ta’ nies. John Burns għażel li jmur miegħu biex ma jkunx waħdu anke jekk ma kienx jaf jgħum sew.

Dak il-ħin Curmi kien qed isuq l-ispeed boat u miegħu kellu lil Albert Camenzuli. F’ħin minnhom ġiet mewġa li qalbithom minn fuq il-‘crazy sofa’.

Il-missier weġġa’ serjament tant li kiser dahru u spiċċa paralizzat għal kollox minkejja li sarulu numru ta’ operazzjonjiet f’Malta u anke fi sptar fl-Ingilterra.

L-Imħallef Francesco Depasquale ikkonkluda li meta Curmi għażel li jsuq id-dgħajsa b’veloċita relattiva għal ġo mewġa kbira kellu jifhem x’setgħu kienu r-riperkussjonijiet.

Kien għalhekk li żamm lilu responsabbli u peress li Curmi kien impjegat mal-kumpanija Sun ‘n’ Fund Limited żamm anke lill-kumpanija responsabbli kif għamel ukoll fil-konfront tal-kumpanija tal-assikurazzjoni Montaltdo Insurance Agency Limited f’isem l-American Home Assurance Company.

Sport