Sunday, May 25, 2025

EAP Malta International – Avveniment ta’ Atletika ta’ Klass Dinjija jerġa’ lura f’Malta fis-14 ta’ Ġunju

Aqra wkoll

Il-Pembroke Athleta Athletics & Triathlon Club (P.A.A.T.), l-aktar klabb atletiku b’suċċess f’Malta, b’kburija jħabbar is-sitt edizzjoni tal-EAP Malta International, li se ssir is-Sibt 14 ta’ Ġunju 2025 fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Atletika Matthew Micallef St John, il-Marsa.

Din il-laqgħa prestiġjuża tifforma parti mis-serje Challenger tal-World Athletics Continental Tour (WACT) – ċirkwit internazzjonali ta’ atletika li jiġbed lejh atleti ta’ livell għoli minn madwar id-dinja. L-edizzjoni tal-2025 mistennija tilqa’ aktar minn 150 atleta u uffiċjal barrani minn aktar minn tnax-il pajjiż, filwaqt li tkompli tikber fid-daqs, fil-prestiġju u fl-influwenza tagħha fuq ix-xena sportiva lokali.

Imnedija fl-2019, din il-kompetizzjoni kibret minn inizjattiva lokali għal pjattaforma globali, li toffri lill-atleti Maltin opportunità unika li jikkompetu kontra avversarji ta’ livell għoli mingħajr ma jkollhom għalfejn jivvjaġġaw barra mil pajjiz. Mill-2022 ‘l hawn, l-avveniment ġie rreġistrat b’mod uffiċjali fil-Kalendarju tal-World Athletics, u jipprovdi lill-atleti parteċipanti l-possibbiltà li jiġbru punti fil-klassifika internazzjonali, li jgħinuhom jikwalifikaw għal kompetizzjonijiet prestiġjużi bħall-Olimpjadi u l-Kampjonati Dinjija.

L-EAP Malta International huwa organizzat taħt il-kappa taċ-ċirkwit Events for Athletics Promotion (EAP), li fih Pembroke Athleta huwa l-uniku klabb membru Malti. Bħala parti minn din in-netwerk, Malta tospita waħda minn 17-il laqgħa internazzjonali li jsiru kull sena f’13-il pajjiż Ewropew.

“L-għan tagħna kien u għadu li nittellgħu l-livell tal-atletika lokali,” qal il-president ta’ P.A.A.T. “Billi norganizzaw kompetizzjoni ta’ dan il-kalibru, mhux biss qed noffru lill-atleti Maltin aċċess għal livell għoli ta’ kompetizzjoni, iżda qed nagħtu wkoll kontribut reali lit-turiżmu sportiv u lir-reputazzjoni sportiva internazzjonali ta’ Malta.”

L-edizzjoni tal-2025 tipprometti programm eċċitanti ta’ avvenimenti fil-qasam tat-“Track and Field”, parteċipazzjoni minn ismijiet internazzjonali ewlenin, u kontinġent Malti b’saħħtu – esperjenza li ma għandhiex tintilef minn dawk li jħobbu l-atletika u l-isport f’Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport