Wednesday, December 3, 2025

Ebda avvanz fit-taħditiet għall-paċi fl-Ukrajna 

Aqra wkoll

Ħames sigħat ta’ taħditiet bejn il-President Russu Vladimir Putin u n-negozjatur ewlieni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump jidhru li ma rnexxilhomx jipproduċu avvanz biex jiġi żgurat ftehim ta’ paċi mal-Ukrajna. Filwaqt li l-laqgħa ngħad li kienet kostruttiva, iżda partijiet mill-pjan li kien imfassal baqgħu inaċċettabbli għar-Russja.

Il-mibgħut speċjali ta’ Trump, Steve Witkoff, u r-raġel ta’ bint Trump, Jared Kushner, ħadu sehem fit-taħditiet wara ġimgħat ta’ diplomazija intensiva mmirata biex tintemm il-gwerra. 

Aktar kmieni nhar it-Tlieta, Putin qal li l-bidliet proposti mill-Ukrajna u l-Ewropa għal abbozz ta’ pjan ta’ paċi appoġġjat mill-Istati Uniti ma kinux aċċettabbli u żied jgħid li jekk l-Ewropa trid tmur għall-gwerra u tibda waħda, ir-Russi lesti għaliha issa stess.

L-Ukrajna u l-alleati tagħha Ewropej ilhom jagħmlu pressjoni fuq l-Istati Uniti biex temenda l-abbozz tal-ftehim ta’ paċi tagħha, li l-White House fittxet li tiżgura ftehim rapidu mal-Kremlin li Putin indika li kien lest jilqa’ dan il-ftehim.

Dak il-pjan, li kien meqjus b’mod wiesgħa bħala favorevoli għar-Russja wara li ġie żvelat lill-midja f’Novembru, għadda minn diversi bidliet fl-aħħar ġimgħat. Iżda għad hemm nuqqas ta’ qbil ewlieni inkluż dwar li l-Ukrajna ċċedi territorju li r-Russja tikkontrolla u l-garanziji ta’ sigurtà pprovduti mill-Ewropa.

Putin kien qal li l-mexxejja Ewropej kienu taħt l-illużjoni li setgħu jwasslu lir-Russja għal telfa strateġika. Pajjiżu, qal Putin, ma kienx qed jippjana li jmur fi gwerra mal-Ewropa  “imma jekk l-Ewropa f’daqqa waħda trid tmur għal gwerra u tibda waħda, aħna lesti issa stess”.

L-alleati Ewropej ta’ Kyiv kienu rribattew il-pjan ta’ 28 punt appoġġjat mill-Istati Uniti u neħħew ħafna mill-aktar elementi kontroversjali, bħar-rikonoxximent ta’ Donetsk u Luhansk minn Washington bħala territorji Russi de facto.

Zelensky iltaqa’ mal-President Franċiż Emmanuel Macron nhar it-Tnejn, b’diversi mexxejja Ewropej jingħaqdu mal-laqgħa virtwalment. Macron qal li ma kien hemm l-ebda pjan finalizzat u li dan seta’ jinkiseb biss bis-sehem tal-Ukrajna u l-Ewropa.

Minn meta r-Russja invadiet l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, għexieren ta’ eluf ta’ suldati fuq iż-żewġ naħat tal-battalja nqatlu jew indarbu, flimkien ma’ aktar minn 14,000 nies ċivili, skont ċifri tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-kunflitt bejn iż-żewġ stati eks-Sovjetiċi jmur lura għall-2014 meta l-president favur ir-Russja tal-Ukrajna tneħħa u r-Russja wieġbet billi għaqqdet magħha l-Krimea u appoġġjat irvellijiet armati fil-Lvant tal-Ukrajna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport