Sunday, April 12, 2026

Ebda ftehim wara t-taħditiet dwar il-paċi bejn l-Istati Uniti u l-Iran

Aqra wkoll

Wara xejn inqas minn 21 siegħa ta’ taħditiet dwar il-paċi, l-Istati Uniti u l-Iran ma rnexxilhomx jilħqu ftehim biex tintemm il-gwerra. Dawn it-taħditiet saru f’Islamabad, il-Pakistan.

Il-Viċi President tal-Istati Uniti JD Vance qal li “kellna numru ta’ diskussjonijiet sostantivi mal-Iranjani, li hi aħbar tajba. L-aħbar il-ħażina hi li ma lħaqniex ftehim u naħseb dik hi aħbar ħażina għall-Iran ħafna aktar milli hi aħbar ħażina għall-Istati Uniti.”

Huwa enfasizza li ma setgħux jaslu f’sitwazzjoni fejn l-Iranjani jaċċettaw it-termini tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa wera l-apprezzament tiegħu lejn il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif u l-uffiċjal Asim Munir u sostna li “kwalunkwe nuqqas” li seta’ kien hemm fin-negozjati ma kienx minħabba l-Pakistani li fi kliemu “għamlu xogħol kbir.”

Sadanittant, f’kitba fuq il-midja soċjali, il-kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran, Esmaeil Baghaei, iddeskriva dawn it-taħditiet bħala “intensivi”. Madanakollu huwa qal li s-suċċess tan-negozjati li kienu għaddejjin jiddependi fuq is-serjetà u l-bona fede tan-naħa opposta.

Baghaei appella wkoll lil Washinton biex iżomm lura minn “talbiet eċċessivi u illegali” u biex “taċċetta d-drittijiet u l-interessi leġittimi” tal-Iran. Fost is-suġġetti li qal li ġew diskussi hemm l-Istrett ta’ Hormuz, il-programm nukleari tal-Iran u t-tmiem sħiħ tal-gwerra fl-Iran.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport