Minkejja l-investigazzjonijiet li għaddejjin b’rabta mal-katavru li nstab f’bagoll f’karozza fil-wied ta’ Ħal Qormi, jidher li l-Pulizija m’għadha ebda ħjiel ta’ x’seta’ kien il-mottiv li wassal għal dan il-qtil. Analiżi forensika flimkien ma’ testijiet ta’ DNA, għandhom jistabbilixxu l-identità tar-raġel misjub, L-investigaturi qed iqisu dan il-każ bħala wieħed diffiċli.
Sorsi li tkellmu ma’ Talk.mt sostnew li l-każ hu wieħed diffiċli fejn l-ewwel pass irid ikun dak li jkun identifikat il-katavru, li instab f’karozza li kien proprjetà ta’ Mario Farrugia ta’ 62 minn Pembroke. Farrugia qatt ma kiser difrejh mal-Pulizija.
L-istess sorsi spjegawlna li fl-aħħar sigħat il-Pulizija kienu qed jippruvaw jaraw filmati biex jaraw il-movimenti tal-karozza. Il-Pulizija qed taħdem fuq it-teorija li r-raġel ma nqatilx fil-post imma ttieħed hemm minn persuna jew persuni mhux magħrufin.
L-istess sorsi spjegaw li sa issa m’hemm ebda ħjiel ta’ x’jista’ jkun il-mottiv wara dan il-qtil u dan jagħmel il-każ wieħed diffiċli.