Saturday, December 21, 2024

Ebda individwu ma kien responsabbli għall-mewt tas-Sur Stephen Mangion

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qed jippubblika r-rapport tal-Inkjesta Ministerjali skont l-Att tal-Inkjesti (Kap 273), li ġiet maħtura dwar il-mewt tas-Sur Stephen Mangion li ġrat fis-27 ta’ Awwissu 2024 fl-Isptar Mater Dei. Din l-inkjesta kienet immexxija mill-Imħallef Emeritu Dr Joseph D. Camilleri. Il-membri l-oħra tal-Bord kienu Dr Herbert Felice (kardjologu irtirat) u s-Sa Sylvia Spiteri (Charge Nurse).

Fil-konklużjoni tiegħu, il-Bord qal, “Ebda individwu ma kien responsabbli għall-mewt tas-Sur Stephen Mangion.  Minħabba l-kumplessità u d-dissezzjoni tal-aorta estensiva, xejn ma seta’ jsir biex tiġi evitata l-mewt tas-Sur Mangion. Jidher li l-kundizzjoni kienet ilha tiżviluppa minn kmieni fil-ġurnata (04:00am) meta s-Sur Mangion beda jħoss l-uġigħ, imbagħad estendiet lejn l-għerq tal-aorta sal-ħin li mar fiċ-Ċentru tas-Saħħa għall-ħabta tas-07.10pm”.

Ir-rapport jaqbel u jsaħħaħ il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Joseph Mifsud u ppubblikata fid-9 ta’ Settembru 2024. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ inkjesti indipendenti qed ixejnu kull tip ta’ allegazzjonijiet ta’ negliġenza. Il-Bord għamel diversi rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jkomplu jitjiebu s-servizzi offruti kemm fiċ-ċentri tas-saħħa u fl-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. Dawn jinkludu servizz ta’ informatika ħolistiku, servizz kontinwu ta’ 12-lead ECG u testijiet tad-demm point of care fiċ-ċentri tas-saħħa, servizz ibbażat fuq decision makers, espansjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza, investiment fir-riżors uman, żvilupp ta’ spazju għas-swali ta’ osservazzjoni u sforz sabiex ma jkunx hemm staġnar ta’ pazjenti jistennew biex jidħlu fi swali.

Filwaqt li mill-ġdid joffri kondoljanzi lill-familja, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jilqa’ dawn is-suġġerimenti li jixprunaw is-sensiela ta’ riformi li qegħdin f’fażi ta’ implimentazzjoni.

Ekonomija

Sport