Sunday, December 22, 2024

EBDA PROGRESS GĦALL-PN WARA L-ELEZZJONI

Aqra wkoll

Ftit xhur wara l-akbar rebħa elettorali, bil-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela jikseb maġġoranza ta’ 39,000 vot fuq il-partit immexxi minn Bernard Grech, ftit li xejn jidher li nbidlu l-affarijiet għal dan tal-aħħar.

Skont l-ewwel stħarriġ politiku pubblikat wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu, il-partit Laburista fil-preżent jidher li qed igawdi maġġoranza ta’ 16.5% li huma ekwivalenti għal 42,000 votant filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat 27.8 fil-mija aktar mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Nemmnu li dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq il-polz tal-poplu. Dan ngħiduh ukoll minħabba l-fiduċja tagħna fl-istatistiku Vincent Marmarà li sa mill-ewwel stħarriġ tiegħu wera konsistenza u preċiżjoni fir-riżultati ppubblikati. Jekk immorru daqsxejn lura fiż-żmien għal meta ż-żewġ mexxejja kienu qegħdin imexxu l-kampanji elettorali rispettivi tagħhom, faċilment wieħed jikkonkludi li l-baħar jaqsam li hemm bejn iż-żewġ partiti, kien hemm u għadu hemm. Fuq naħa, rajna lill-Partit Laburista u lill-Prim Ministru Robert Abela kontinwament jinsistu fuq il-ħtieġa tal-għaqda fil-pajjiż bħala s-sisien għal futur sabiħ u fuq in-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni, ħafna drabi jintilef f’isteriżmu t’għajjat u attakki kontinwi fuq it-tmexxija Laburista. 

Ftit irridu mmorru ’l bogħod biex naraw xi nbidel filż-żewġ partiti. Fl-aħħar attività politika tiegħu fin-Naxxar, Robert Abela tkellem dwar ċertu ministri li kellhom sehem dirett fid-deċiżjoni li l-gvern jilqa’ għad-daqqa taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Madanakollu huwa kompla biex jgħid li l-bqija tat-tim Malta qiegħed jagħmel biċċa xogħol tajba biex pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, iservi ta’ mudell għal ekonomiji ferm ikbar minn tagħna.

Fuq in-naħa l-oħra jidher li hemm Oppożizzjoni li minkejja telfa elettorali daqstant kbira li żdiedet ma’ dawk tal-aħħar snin, tidher li għadha mhix tifhem li d-direzzjoni li qabdet fl-aħħar snin qiegħda tkompli tbegħedhom min-nies aktar milli tqarribhom. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, f’diskors wara l-ieħor qiegħed ikompli jisħaq fuq il-bżonn li l-partit tiegħu jkun fil-gvern biex joffri lill-poplu kwalità ta’ ħajja aħjar. Madanakollu, f’dokument li ħareġ qabel il-budget, il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’dokument simili għal dak tal-manifest, b’diversi żbalji li juru biss nuqqas ta’ kompetenza. 

L-isfidi qegħdin hemm u se jibqgħu jkunu hemm fiż-żmien li ġej. Dawn l-isfidi nistgħu naffaċċjawhom biss jekk ikollna mexxejja għaqlin li jagħrfu jmexxu tajjeb fl-aktar mumenti diffiċli. Dan rajnieh diġa jitwettaq f’dawn l-aħħar sentejn ta’ pandemija li minnha pajjiżna ħareġ bl-unuri kollha tant li ġie mfaħħar kemm mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u anke mill-Kummissjoni Ewropea. 

Xhieda oħra hija l-aħħar stħarriġ ippubblikat mill-kumpanija Ernst & Young fejn Malta quddiem dawn l-isfidi jidher li għadha attraenti għall-investiment dirett barrani. Barra minn hekk, tajjeb li niftakru dwar l-invażjoni fl-Ukrajna u l-fatt li f’Budget f’viżjoni qiegħed jikkonferma €600 miljun f’fondi biex l-gvern jilqa’ għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, xi ħaġa li tiddistingwina mill-bqija tal-istati fl-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport