Monday, October 14, 2024

Ebda raġuni biex jittieħdu passi kontra Malta

il-Kummissjoni Ewropea wara petizzjoni dwar l-imwiet fl-industrija tal-kostruzzjoni

Aqra wkoll

“Bħalissa m’hemm l-ebda raġuni biex jittieħdu passi kontra Malta għal ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni”. Din id-dikjarazzjoni għamlitha wara li investigat ilment li sar permezz ta’ petizzjoni minn Christopher Scott, persuna ta’ nazzjonalità Ingliża. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li jidher li l-imwiet fuq il-post tax-xogħol ivarjaw b’mod sinjifikanti bejn snin differenti kif huwa tipiku għal Stati Membri iżgħar.

Christopher Scott kien f’petizzjoni li bagħat lill-Parlament Ewropew li l-industrija tal-kostruzzjoni mhix konformi ma’ standards ta’ saħħa u sigurtà u dan b’detriment għall-ħaddiema li jaħdmu fl-istess industrija. Hu lmenta li l-ħaddiema tal-kostruzzjoni f’Malta b’mod sistematiku ma jilbsux tagħmir bażiku li jipproteġihom bħal ‘harness’. Hu kien ilmenta li dan wassal għal ammont ta’ imwiet fuq siti ta’ kostruzzjoni.

Fil-petizzjoni hu jikkritika l-fatt li hemm nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern biex jiżgura protezzjoni effettiva għall-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni. Hu kien talab lill-Parlament Ewropew jinvestiga l-qasam tal-kostruzzjoni f’Malta.

Il-Kummissjoni Ewropea fit-tweġiba tagħha għall-ilment qalet li “Ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fid-direttivi rilevanti tal-Unjoni Ewropea u hu f’idejn l-Istat Membru li jittrasponi d-direttivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li min iħaddem u l-ħaddiema jkunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw kontrolli u superviżjoni adegwati.

Fid-dawl tal-ilment serju trażmess f’din il-petizzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni bi ħsiebhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli sabiex jiksbu aktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jivvalutaw aħjar is-sitwazzjoni.

Il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha qalet li skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Maltin, kien hemm 4 inċidenti fatali fis-sena 2020, 8 fis-sena 2021 u 2 fis-sena 2022. Ir-rata ta’ fatalità tvarja f’dawk it-tlett snin, u tmur minn 1.1 fis-sena 2020, 3.0 fis-sena 2021 għal 0.8 fis-sena 2022.

Qalet li jidher li l-imwiet fuq il-post tax-xogħol ivarjaw b’mod sinifikanti bejn snin differenti kif huwa tipiku għal Stati Membri iżgħar.
L-awtoritajiet Maltin ipprovdew ukoll informazzjoni komprensiva dwar l-inċidenti fatali fis-settur tal-kostruzzjoni inkluż dwar l-età, is-sess, it-tip ta’ impjieg, in-nazzjonalità, in-natura tal-inċident u kif seħħ l-inċident. Jidher li kważi nofs l-inċidenti fatali kienu jinvolvu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u li aktar minn nofs kienu minħabba waqgħat mill-għoli.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Maltin infurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-aħħar żviluppi dwar il-qafas leġiżlattiv nazzjonali, b’mod partikolari rigward l-emendi dwar ir-Regolamenti dwar il-Post tax-Xogħol.

L-aħħar emenda introduċiet miżuri aktar stretti fir-rigward tar-rwol tal-klijent u tas-superviżur tal-proġett, peress li dawn għandhom rwol kritiku fis-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inkluż fir-rigward tar-riskju ta’ waqgħat mill-għoli. Barra minn hekk, fl-emenda msemmija ġew introdotti miżuri aktar stretti fir-rigward tar-riskji ta’ waqgħat mill-għoli, inkluż ir-rekwiżit li l-miżuri jittieħdu f’kull sitwazzjoni irrispettivament mid-distanza involuta.

Il-Kummissjoni qalet li “L-awtoritajiet Maltin iddeskrivew ukoll l-aħħar inizjattivi u kampanji tagħhom biex iqajmu kuxjenza fis-settur tal-kostruzzjoni u biex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema vulnerabbli, b’mod partikolari ħaddiema barranin. Dan kien jinkludi, fost l-oħrajn, il-pubblikazzjoni ta’ gwida maħsuba speċifikament għal ħaddiema barranin bi spjegazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li ġiet tradotta f’diversi lingwi, fosthom l-Għarbi, il-Bangladexx, il-Franċiż, is-Somalu u t-Tigrinja. Lingwi oħra għandhom jiżdiedu. dalwaqt. Barra minn hekk, l-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ippubblikat gwidi oħra indirizzati lis-settur tal-kostruzzjoni fosthom dwar pjattaformi mobbli tax-xogħol elevati u xogħol fix-xemx u s-sħana. L-awtoritajiet organizzaw ukoll taħditiet mar-refuġjati dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Il-Kummissjoni Ewropea temmet tgħid li “fid-dawl tal-analiżi tal-informazzjoni kollha disponibbli, inkluża l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Maltin wara t-talbiet għall-informazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni, jidher li l-awtoritajiet nazzjonali ħadu miżuri xierqa biex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni bil-ħsieb li jitnaqqas in-numru ta’ inċidenti. Il-Kummissjoni għalhekk hija tal-opinjoni li bħalissa m’hemm l-ebda raġuni biex jittieħdu passi kontra Malta għal ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Hemm min qed jagħmel minn kollox biex jeqred is-settur tal-kostruzzjoni
– Jesmond Marshall

Is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-General Workers Union (GWU), Jesmond Marshall, meta mitlub jikkummenta qalilna li “meta titkellem fuq traġedji fuq siti tal-kostruzzjoni trid toqgħod attent dwar is-sensittività tas-suġġett. Kull mewt hija terribbli, hi x’inhi in-nazzjonalità tal-vittma. Traġedja ma tkunx inqas terribbli għax ħaddiem ikun ġej minn pajjiż terz u ma jkunx Ewropew.

F’dinja perfetta nistgħu ngħidu li ħadd m’għandu jweġġa’ jew jitlef ħajtu f’post tax-xogħol. Imma aħna ma ngħixux f’Utopia fejn kollox perfett. Iva għandha minn jaħdem li hu ‘cowboy’ li għamel ħafna ħsara lill-industrija tal-bini.”

Jiddikjara li “sfortunatament hemm ukoll minn qiegħed jagħmel minn kollox biex jeqred is-settur tal-kostruzzjoni f’Malta meta jpinġieh ħafna iktar ikrah milli hu, sfortunatament għax jaħseb li ser jieħu xi gwadann politiku. Ma jidhirlhiex li kien hemm xi numru rekord ta’ inċidenti ta’ nies minn pajjiżi terzi li waqgħu mill-għoli. Naf ukoll li l-OHSA tagħmel spezzjonijiet fejn ikun hemm rapporti li ma jkunux qegħdin jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha dwar saħħa u sigurtà.”

Isostni li “nemmen li bil-liġi li tirregolarizza l-kuntratturi ser ikollna aktar siti tal-bini li jkunu iktar siguri. Aħna bħalha union qegħdin nisħqu li biex taħdem ġewwa sit tal-kostruzzjoni jrid ikollok skill-card, li turi li għal inqas ħaddiem ikollu l-ħiliet bażiċi biex jkun jista’ jaħdem. Il-ħaddiem irid jirrealizza wkoll li hu fl-interess tiegħu li juża it-tagħmmir kollu tas-saħħa u sigurtà. Aħjar uff inkella ahh”, itemm jgħid Jesmond Marshall.

Sport