Tuesday, December 24, 2024

Ebda vettura tat-tifi tan-nar stand-by want ħruq ta’ nar filgħodu u f’nofsinhar

Pirotekniku mitluq iħallas kważi €11,000 wara li nqerdu żewġ serer b’nirien minn logħob tan-nar għal festa tal-Karmnu fil-Fgura

Aqra wkoll

“Meta l-bdiewa waslu fuq il-post ftit wara l-1.15 ta’ wara nofsinhar. kienu sabu biċċiet mill-murtali qed jisparaw u l-materjal li jaqa’ mill-murtali fl-għalqa, fosthom karti, fdalijiet tal-murtali li ma ġewx miġbura mill-organizzaturi tan-nar. L-organizzaturi kienu ġew jiġbruhom mill-għalqa biss filgħaxija wara li ġew sparati l-murtali fis-6.00 ta’ filgħaxija. Għalkemm l-isparar tal-murtali dejjem isir kull sena mill-istess lok, dan qatt ma kien jiġi jiġbor il-fadlijiet tal-murtali u jnaddaf l-għalqa u mhux l-ewwel darba li sab ħofra jew il-pajpijiet tad-drip imtaqqbin b’xi murtal li jkun ħa fl-għalqa”.

Dan iddikjarawh f’xhieda bdiewa li kellhom jiftħu proċeduri legali kontra pirotekniku minħabba li ħruq ta’ nar wassal biex inqerdulhom kompletament żewġ serer. Dan seħħ waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura. Mix-xhieda irriżulta li hi prattika li ma jkunx hemm vetturi tat-tifi tan-nar filgħodu u f’nofsinhar minkejja li hi waħda mill-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni.

Bdiewa li għandhom raba’ fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa f’Ħaż-Żabbar kienu ppreżentaw kawża għad-danni mingħand Benny Dingli f’ismu proprju u f’isem u in rappreżentanza tal-Kamra ta’ Nar tal-Imqabba (Tal-Ġilju). Dan wara li ġamar u murtal li waqa’ mill-ħruq tan-nar li kkaġuna l-ħruq ta’ tlett serer li jinsabu fl-istess raba’ nhar il-11 ta’ Lulju tas-sena 2021.

Il-Qorti qalet li Benny Dingli huwa l-persuna li favur tagħha inħarġet il-liċenzja għall-ħruq tan-nar mill-Kummissarju tal-Pulizija, għall-festa tal-knisja parrokkjali tal-Fgura f’Lulju fis-sena 2021 u l-persuna responsabbli għall-organizzazzjoni u l-ħruq tan-nar inkluz fil-11 ta’ Lulju 2021 meta sar il-ħruq fl-għalqa f’Ħaż Żabbar. Il-Qorti qalet li Dingli kien kopert b’polza tal-assigurazzjoni biex jaħraq in-nar fil-11 ta’ Lulju għal ħin li ma jeċċedix siegħa, u kien awtorizzat li jaħraq in-nar ġewwa Triq il- Kunsill tal-Ewropa fl-istess data fil-ħin tad-9.00 a.m., f’nofsinhar u fis-7.00 p.m. Fil-11 ta’ Lulju Benny Dingli spara tliet bombi tal-murtali u tliet murtaletti għall-festa tal-Fgura minn ġewwa Triq il-Kunsill tal-Ewropa, fl-istess post fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Ħaż Żabbar fejn n-nar dejjem jinħaraq kull sena. Iż-żona li fiha isir l-isparar kien fiha radius ta’ 200 metru.

Il-Qorti qalet li mix-xhieda jirriżulta li n-nar kien qed jinħaraq biss madwar tletin jew erbgħin metru ‘l bogħod mill-għalqa li qabdet, li jfisser li din l-għalqa kienet tinsab ġewwa l-konfini taż-żona ta’ sparar. Dingli xehed ukoll li kien dar waħdu ir-raba’ tal-madwar wara li kienu ġew sparati l-murtali kollha, biex jara kienx hemm ġmamar jew fdalijiet tal-murtali, iżda ma ra xejn. Dan kollu għamlu f’temp ta’ għoxrin minuta.

Jirriżulta li ċertu Anthony Azzopardi lemaħ in-nirien jaqbdu fl-għalqa fejn hemm is-serer, u dan għall-ħabta tal-12.30 p.m. jew 12.45 p.m. iżda żgur mhux iktar tard mis-1.00 p.m., meta kien għaddej mit-triq. Xehed illi dakinhar kien hemm il-logħob tan-nar tal-festa tal-Fgura u kienu qed jisparaw il-kanen tal-murtali madwar 40 metru mill-għalqa fejn kien hemm is-serer u dak il-ħin li ra n-nar, diġa’ kien hemm daħna u s-serer jaqbdu. Intqal li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie mgħarraf bil-ħruq fi Triq il-Kunsill tal- Ewropa bejn l-12.50 p.m. u 1.10 p.m. u ntbagħtu żewġ pompiera f’vettura waħda tat- tifi tan-nar.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti iddikjarat li hu indiskuss li min jiżvolġi attività li minn natura stess tagħha titqies perikoluża, bħal fil-każ tal-ħruq tal-logħob tan-nar, jinħtieglu juri li ħa ħsieb japplika miżuri idonei u l-prekawzjonijiet kollha neċessarji biex tiġi evitata l-ħsara. L-oneru ta’ prova bħal din jinkombi f’dan il-każ lil Benny Dingli li organizza u wettaq din l-attività u kien ukoll il-persuna responsabbli skont il-liċenza u l-oneru huwa wkoll wieħed rigoruż. Kemm hu hekk, biex jinħeles mir-responsabbilità, jinħtieġ li jintwera b’mod pożittiv li hu aġixxa b’attenzjoni massima u bl-ikbar prudenza biex jilqa’ kontra konsegwenzi dannużi u jwarrab kemm jista’ jkun il-possibilità ta’ dannu għal persuni jew għal proprjetà. Għalhekk, il-fatt waħdu li Dingli kien kiseb l-awtorizzazzjonijiet kollha neċessarji skont il-liġi biex iwettaq din l-attività riskjuża, segwa r-regolamenti u kien ukoll assigurat kontra l-ħsarat ikkaġunati lil terzi b’riżultat tal-istess attività, m’huwiex biżżejjed biex jiskolpah mill-ħtija għad-danni.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li “fil-fehma tal-Qorti, minkejja r-riskju intrinsiku ta’ ħruq bl-isparar tal-bombi u l-murtali, Dingli ma kienx ħa l-miżuri u prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex fis-sħana u n-nixfa tas-sajf, jiġi evitat ir-riskju ta’ nar jaqbad fir-raba’ li jaqa’ fil-parametri tal-fire range, u l-ħsarat konsegwenzjali. Dan qed jingħad għax Benny Dingli xehed li wara li kien lest mill-isparar tal-bombi, kien dar l-akkwati waħdu f’temp ta’ għoxrin minuta biss. Il-Qorti ma taqbilx mat-teżi tiegħu li l-fatt li sal-12.30 p.m. huwa ma kienx ra ġamar jew nar, ifisser li huwa eskluż l-ipotesi li l-għalqa kienet diġa’ qed taqbad dak il-ħin jew li n-nar li qabad fis-serer kien ġej mill-isparar tal-murtali li kien ilu li spiċċa fil- 12.15 p.m. Għall-kuntrarju, tqis li l-fatt li Dingli ma rax nar jew ġamar fl-għoxrin minuta li dam idur fl-akkwati wara li kien spiċċa mill-isparar, jista’ jfisser biss li huwa ma kienx għamel spezzjoni kif imiss.”

Mis-sentenza joħroġ li sakemm waslu l-pompiera fuq il-post, anke qabel waslu l-atturi, iż-żewġ serer kienu kollha maħruqin u kompletament distrutti tant illi l-ħadid kien imdewweb, u jirriżulta li l-pumpiera damu b’kollox madwar 50 minuta sħaħ biex jitfu n-nar. “Għaldaqstant, hija l-fehma tal-Qorti illi jekk tassew Benny Dingli għamel sal-12.30 p.m. idur l-akkwati tal-ħruq tan-nar u jfittex bir-reqqa għal xi ġmamar jew nar, ma setax ma jinnotax in-nar jaqbad jew fl-aħjar ipotesi għalih, jibda jaqbad fl-għalqa in diżamina. Fil-fatt, mhux eskluż illi l-ġmamar li kebbsu n-nar, qabdu fil-ħaxix f’wiċċ ir-raba’ u mbagħad infirex għall-serer, u mhux bil-fors kienet il-kopertura tal-pastik tas-serer li qabad l-ewwel b’mod li dan seta’ jintlemaħ faċilment.”

Il-Qorti qalet li l-affermazzjonijiet ta’ Dingli li “żgur, żgur, żgur li ma ħallejtx nar warajja” u “Ta’ kulħadd jiena nittawwal naqbeż, nitla’ maċ-ċint nara x’hemm hemm” m’humiex biżżejjed biex iservu bħala prova ta’ teħid ta’ prekawzjonijiet u miżuri idonei biex jiġi evitat il-perikolu tal-ħruq. Il-Qorti tirribadixxi li l-fatt li huwa ma kienx ra nar jista’ jfisser biss li mhux minnu li dar dawra bir-reqqa jew għal biżżejjed ħin fir-raba’ tal- akkwati wara l-ħruq tan-nar, jew inkella illi l-ispezzjoni tiegħu kienet superfiċjali jew ristretta wisq biex jintebaħ bin-nar li dak il-ħin kien evidentement, qed jibda jaqbad fl-għalqa maħduma.”

Il-Qorti qalet li “ma jridx jintesa wkoll li l-bdiewa xehdu li meta waslu fuq il-post ftit wara l-1.15 p.m. kienu sabu biċċiet mill-murtali qed jisparaw u l-materjal li jaqa’ mill-murtali fl- għalqa, fosthom karti, fdalijiet tal-murtali li ma ġewx miġbura mill-organizzaturi tan-nar. Xehdu li l-organizzaturi kienu ġew jiġbruhom mill-għalqa biss filgħaxija wara li ġew sparati l-murtali fis-6.00 p.m. Għalkemm l-isparar tal-murtali dejjem isir kull sena mill-istess lok, Dingli qatt ma kien jiġi jiġbor il-fadlijiet tal-murtali u jnaddaf l-għalqa u mhux l-ewwel darba li sab ħofra jew il-pajpijiet tad-drip imtaqqbin b’xi murtal li jkun ħa fl-għalqa.

Mis-sentenza jingħad li “ma jirriżulta minn imkien mill-provi li kien hemm il-brigata tan-nar u vettura tat-tifi tan-nar fuq stand-by fuq il-post, minkejja li din kienet waħda mill-kundizzjonijiet tal-polza tal-assigurazzjoni biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inċidenza tal-avverament tar-riskju assigurat. Dan jirriżulta mix-xhieda ta’ Anthony Azzopardi li xehed illi meta ra l-għalqa taqbad, fittex biex jara kienx hemm fire engine fuq il-post iżda ma kienx hemm u baqa’ sejjer għand is-sidien tal-għalqa biex javżahom bil-ħruq. Anke Dingli stess jistqarr fix-xhieda tiegħu illi ma kienx hemm fire engine fuq stand-by meta nħaraq in-nar f’nofsinhar fil-11 ta’ Lulju tas-sena 2021 u dan għaliex “kien hemm biss ftit nar” u hija “proċedura” li l-vetturi tat-tifi tan-nar ma jiġux meta n-nar jinħaraq filgħodu u f’nofsinhar iżda jiġu biss filgħaxija. Fil-fatt, jirriżulta illi l-pompiera u l-vettura tat-tifi tan-nar intbagħtu fuq il-post tal-ħruq biss wara illi l-Control Room kien irċieva, għall-ħabta ta’ bejn 12:50 hrs u 13:10hrs, telefonata li kien hemm għalqa qed tinħaraq. Il-pompiera wkoll xehdu illi meta waslu fuq il-post ma kien hemm ħadd u kienu l-ewwel li waslu fuq il-post.”

Dingli ġie kundannatt iħallas €10,915 għad-danni kawżati mis-serer.

Ekonomija

Sport