Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt inħobb il-futbol mill-iskola u għax kont nara lil ħuti jilagħbu.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Senglea Athletic FC?
Inħares ‘il quddiem b’ottimiżmu kbir mal-klabb ta’ Senglea Athletic li laqagħni ħafna. Hawn tim sod ħafna, kowċis bravi u kumitat ħabrieki u eċċitat biex nagħti dak kollu li naf biex ikollna staġun pożtitiv!
Iddeskrivi l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Birzebbugia SP FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Birzebbugia SP FC evidenti kienet waħda pożittiva ħafna. Ilħaqna t-tragward tagħna u iktar għax ksibna d-double kontra s-saħħa tal- Għawdxin ta’ Victoria Hotspurs FC. Grat ħafna għall-kumitat u għall-kowċis Edward Azzopardi u Claude Carbonaro. Ovvjament din l-esperjenza ma ntemmitx kif xtaqt jien, peró dak hu l-futbol, sfortunatament!
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Naħseb li l-futbol sar iktar interesanti mill-BOV Challenge League san-National Amateur League 2. Ma nistax ngħid l-istess għall-Malta Premier għaliex fl-opinjoni tiegħi b’dawk il-plejers barranin kollha ma tantx għad hemm interess biex tmur tara logħba, u fl-aħħar mill-aħħar, xorta waħda qatt s’issa għadu tim Malti ma kkwalifika fgħall-fażi tal-gruppi fl-Ewropa, jiġifieri jien naħseb li ma morniex ‘il quddiem, pjuttost lura meta tara kemm ikun hemm partitarji l-grawnd u l-atmosfera li jkun hemm.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grawnds, naħseb li għamilna passi ‘l quddiem speċjalment meta tqis li jien trabbejt nilgħab fuq iż-żrar ġewwa Birzebbugia.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lit-tfal u ż-żgħażagħ huwa biex l-ewwelnett jieħdu pjaċir jilagħbu l-futbol u jeħduh bis-serjetá għax il-ħajja ta’ futboler jaf tkun qasira u kiefra, allura l-messaġġ tiegħi huwa li jgawduh kemm jistgħu, għax qatt ma taf meta l-aħħar li se tilgħab il-futbol!