Minn Cristian
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira. Minn dejjem kont miġbud lejn l-eċċitament, il-passjoni u l-kompetizzjoni li tinsab fil-logħba tal-futbol.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Valletta FC?
Eċċitat ħafna għaliex Valletta FC hu klabb bi storja rikka, partitarji b’passjoni li ma tarax bħalha u komunitá b’saħħitha mimlija rispett. L-ambjent kompetittiv huwa preżenti bla dubju u b’hekk nemmen li nistgħu nagħmlu memorji sbieħ u nilħqu l-għanijiet li għandna u li ħaqqna.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Floriana FC.
Kienet esperjenza li qatt ma jien se ninsa għaliex Floriana FC huwa l-klabb li għenni niżviluppa teknikament, mentalment kif ukoll bħala persuna. Nirringrazzja lil kull min għenni speċjalment il-kowċis, il-kumitat kif ukoll lil sħabi li kienu prezenti fit-tliet snin li għamilt hemm.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti qed javvanza u huwa ta’ livell iżda xorta jaffaċċja ostakli rigward ir-riżorsi speċjalment fil-grawnds u finanzi. Iżda madankollu, it-talent jinstab madwar Malta kollha u bl-iżvilupp kontinwu nemmen li l-futbol Malti jista’ jikseb ir-rispett li tassew ħaqqu!
U dak tar riżorsi (grawnds) fejn titharrgu u tilaghbu l loghob kompetittiv taghkom?
Il-grawnds huma waħda mill-ikbar problemi li għandna. Hawn numru ta’ grawnds ta’ kwalitá mhux ħażina iżda mhux biżżejjed.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi fil-futbol narah bħala opportunitá biex nikber kemm fil-grawnd kif ukoll f’ħajti barra mill-grawnd. L-objettiv tiegħi huwa li bil-grazzja t’Alla, inkompli nirraprezenta lil pajjiżi mat-tim nazzjonali kif ukoll inkompli l-karriera tiegħi barra minn Malta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għal kull min qed jaspira biex jibni karriera ta’ suċċess fil-futbol importanti li jkun iddixiplinat, iddedikat u jkollu l-paċenzja għaliex xejn ma jiġi f’ħakka t’għajn, iżda l-iktar ħaga importanti hi li jafdaw fit-triq li Alla ppjanalhom!