Ed Woodward telaq uffiċjalment minn viċi-president eżekuttiv ta’ Manchester United, wara disa’ snin f’dan ir-rwol.
Wara l-fjask tas-Super League Ewropew, Woodward kien diġá ħabbar li fil-futur kien se jħalli l-kariga tiegħu.
Ix-xahar li għadda, ir-Red Devils ikkonfermaw li Woodward kien se jħalli l-club fl-1 ta’ Frar, b’Richard Arnold jimla uffiċjalment il-pożizzjoni vakanti u jsir il-Kap Eżekuttiv tagħhom.
Meta tkellem dwar ir-rwol il-ġdid tiegħu, Arnold qal: “Jien onorat li għandi ċ-ċans li nservi lil dan il-club kbir u lill-partitarji tiegħu. Jien determinat li nrodd dak l-unur b’kull mod li nista’.”
Woodward ingħaqad bħala diriġent ta’ Manchester United lura fl-2005 u ta parir lill-familja Glazer waqt it-teħid b’suċċess tagħhom tal-club.
Huwa mbagħad ħa post David Gill fis-sajf tal-2013 bħala viċi-president eżekuttiv, li ħabat mal-irtirar tal-exmanager leġġendarju Sir Alex Ferguson.
Woodward se jħalli uffiċjalment lil Manchester United f’April 2022.