Friday, October 17, 2025

Eddie Gray … jibqa’ eżempju ta’ umiltà, passjoni u lealtà

Aqra wkoll

Meta wieħed isemmi l-isem ta’ Eddie Gray, il-ħsibijiet jinżlu minnufih fuq żmien li ma jintesiex fil-futbol Ingliż dak ta’ Leeds United ta’ Don Revie, tim magħruf għall-passjoni, id-dixxiplina u l-futbol sabiħ tiegħu. F’dawn l-aħħar jiem, l-eks leġġenda Skoċċiża żar Malta, fejn kien milqugħ b’merħba kbira mill-partitarji u minn dawk li jħobbu dan l-isport.

Meta dan il-ġurnal kellu ċ-ċans li jitkellem miegħu b’mod esklussiv, Eddie Gray deher emozzjonat b’dak li sab fil-gżejjer tagħna. “Malta hija sabiħa ħafna, u n-nies huma mill-aqwa. Anke Għawdex huwa post mill-isbaħ. Il-postijiet huma meraviljużi, inħossni tassew grat tal-mod kif laqgħuni. It-temp huwa sabiħ, u kien pjaċir kbir għalija li nkun hawn.”

Eddie Gray twieled fi Glasgow fl-1948, u minn meta kien tifel kien jidher li kellu talent rari. “Kelli 13-il sena meta mort ma’ Leeds United,” jgħid b’tbissima. “Kont qed nilgħab fil-belt tiegħi Glasgow, u mbagħad kelli ċ-ċans kbir li mmur Leeds. Dak iż-żmien il-manager kien Don Revie, u kien jemmen ħafna fina ż-żgħażagħ. Huwa ried jibni klabb li seta’ jsir wieħed mill-aqwa fl-Ingilterra u hekk ġara.”

Fuq dan iż-żmien, Eddie jżid: “Dak kien perjodu ta’ suċċess kbir. Kbirna flimkien, kemm aħna l-plejers kif ukoll il-klabb innifsu.”

U kien veru hekk. Eddie Gray sar wieħed mill-aktar wingers eleganti u rispettati tal-futbol Ingliż. Bil-mod kif kien idur mal-avversarji, ħafna kienu jqabbluh ma’ artist li jpinġi bil-ballun.

Il-karriera kollha tiegħu kienet ma’ Leeds United, fejn lagħab mill-1965 sal-1983. Huwa jiftakar dak iż-żmien b’mod ċar ħafna:

“Kien ta’ privileġġ kbir li nilgħab ma’ plejers kbar. Kull era tiegħi kienet marbuta ma’ Leeds United. Ma kontx nimmaġina lili nnifsi nilgħab għal klabb ieħor. Aħna konna bħal familja, konna nieħdu gost nilagħbu flimkien, u dak kien is-sigriet tas-suċċess tagħna.”

Matul dawk is-snin, Leeds rebħu żewġ kampjonati tal-Ewwel Diviżjoni Ingliża, l-FA Cup, il-League Cup, u żewġ Inter-Cities Fairs Cups jew aħjar it-Tazza tal-Fieri. “Konna ngħidu li kull darba li nilħqu finali, ma nkunux nistgħu nitilfu. Kien żmien mill-isbaħ.”

Staqsejnih x’differenza jara bejn il-futbol tal-passat u dak tal-lum. Gray wieġeb b’serenità u analiżi matura:

“Il-logħba fil-fatt ma nbidlitx ħafna għax il-ballun għadu tond! Iva, illum għandek aktar teknoloġija u l-atleti huma ħafna aktar ippreparati fiżikament. Minn punt ta’ vista tekniku, ħafna affarijiet żdiedu, iżda l-essenza tal-futbol baqgħet l-istess. Dak li jġiegħlek tħobb il-logħba għadu hemm.

Hu jħoss li kull ġenerazzjoni għandha l-valur tagħha. “Meta jien bdejt kont kbir f’moħħi l-ismijiet ta’ Stanley Matthews u plejers oħra ta’ dak iż-żmien. Huma kienu l-ispirazzjoni tagħna. Din hija l-progressjoni naturali tal-futbol għax kull epoka toħloq iċ-champions tagħha.”

Wara karriera daqshekk twila ma’ Leeds United, Gray qasam għal rwol ieħor, dak ta’ kowċ u manager. “Meta tkun plejer, taħdem fuqek innifsek. Meta tkun kowċ, trid taħdem fuq 16 jew 17-il plejer differenti, kull wieħed b’karattru u personalità tiegħu. 

Mhix ħaġa faċli, imma tgawdiha ħafna jekk tħobb il-logħba.”

Huwa jżid li l-akbar sfida kienet li jnissel fid-dilettanti ż-żgħar dik l-imħabba li kellu hu lejn il-futbol. “Meta tara żagħżugħ jikber u jtejjeb taħt it-taħriġ tiegħek, dik hija s-sodisfazzjon veru.”

Fuq il-bank ta’ Leeds, Gray kien magħruf bħala kowċ li jemmen fil-potenzjal taż-żgħażagħ u li jipprova jħallihom jikbru mingħajr pressjoni żejda.

Naturalment, ma setax jonqos li nsemmu l-klabb li għamel ismu. Kif jara Eddie Gray lil Leeds illum?

“Leeds hija belt kbira u klabb b’istorja kbira. Din is-sena l-objettiv ewlieni għandu jkun li jibqgħu fil-Premier League. Dak huwa l-pass l-ewwel. Wara, il-klabb jista’ jibni fuq dak is-suċċess.”

Huwa jittama wkoll li l-klabb ikompli jsaħħaħ il-bażi finanzjarja tiegħu u jattira aktar investiment: “Jekk Leeds tibqa’ fil-Premier League, dan jiftaħ ħafna opportunitajiet oħra minħabba li jkun hemm iktar dħul, iktar interess, u iktar stabbiltà għall-futur.”

Fl-aħħar nett, staqsejnieh x’messaġġ għandu għal tfal u żgħażagħ li jaspiraw isiru players tal-futbol. Eddie Gray ħaseb ftit u mbagħad wieġeb b’sinċerità kbira:
“L-ewwel nett, tilgħab biex tieħu gost. Il-futbol għandu jkun pjaċir, mhux pressjoni. Mhux kulħadd jasal biex ikun professjonali, imma kulħadd jista’ jgawdi l-logħba.”

“Importanti ħafna li ż-żgħażagħ jitgħallmu l-etika t-tajba fejn fuq kollox jirrenja r-rispett, xogħol iebes u dixxiplina. Jekk għandek talent, ħudu bis-serjetà, imma dejjem żomm lilek innifsek f’kundizzjoni tajba u b’moħħ miftuħ. Il-passjoni hija l-aktar ħaġa li ma tistax tgħallem għax jew l-isport ikun ġo fik jew le.”

Fil-karriera tiegħu, Gray qatt ma kien magħruf bħala plejer aggressiv jew kontroversjali. Kien rispettat kemm mill-partitarji tiegħu kif ukoll mill-avversarji. Il-mod kif kien jilgħab kien riflessjoni tal-karattru tiegħu eleganti, kalm u dedikat.

Kien ukoll wieħed mill-ftit plejers li qatt ma ħalla lil Leeds. F’era meta ħafna kienu jfittxu trasferimenti jew salarji ogħla, Gray baqa’ leali. “Dik kienet id-dar tiegħi, u jiena kont kuntent hemm. Kull ħaġa marbuta ma’ Leeds kienet bħallikieku parti minni.”

Matul iż-żjara tiegħu f’Malta, Eddie Gray kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ diversi dilettanti, futbolers żgħażagħ u anke partitarji lokali ta’ dan it-tim. Għalih kienet esperjenza li se tibqa’ fil-memorja. “In-nies laqgħuni b’qalbhom miftuħa. Ħassejtni milqugħ bħal wieħed minnkom. Malta għandha kultura sabiħa tal-futbol – in-nies iħobbu l-logħba b’ġenwinità.”

Hu temm jgħid: “Kien ta’ pjaċir enormi li nkun hawn. Meta nara l-entużjażmu tat-tfal u tal-partitarji, ninduna li l-futbol tassew jgħaqqad lin-nies, anke minn pajjiżi differenti.”

L-istess bħal fil-karriera tiegħu fil-grawnd, Eddie Gray jibqa’ eżempju ta’ umiltà, passjoni u lealtà. Huwa wieħed minn dawk il-ftit li l-istorja tagħhom tmur lil hinn mill-istatistiċi u l-unuri storja ta’ raġel fil-veru sens tal-kelma li għex il-futbol b’qalbu kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport