Real Madrid żvelaw li Eden Hazard se jkollu jgħaddi minn operazzjoni f’siequ fil-jiem li ġejjin.
Il-player internazzjonali tal-Belġju reġa’ tħabat biex iħalli l-marka tiegħu għal Los Blancos matul l-istaġun 2021-22, billi rnexxielu jiskorja goal wieħed biss u jipprovdi żewġ assists fi 22 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.
Hazard issa mistenni jkun fuq barra mill-azzjoni għal madwar xahar ieħor, hekk kif qed jipprepara biex titneħħielu l-osteosynthesis plate mill-fibula tal-lemin.
Il-player ta’ 31 sena, li se jitlef iċ-ċans li jiffaċċja lill-ex club tiegħu Chelsea fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League, kellu l-plate impjantata wara li kiser l-għaksa f’Marzu tal-2020.
Hazard lagħab biss 13-il minuta fil-La Liga għal Los Blancos mis-6 ta’ Frar ‘l hawn, u kien sostitut mhux utilizzat f’kull waħda mill-aħħar erba’ logħbiet tagħhom fil-kampjonat tal-La Liga.
Il-player Belġjan għadu marbut ma’ ċaqliq ‘il bogħod mill Bernabeu, iżda għad fadallu aktar minn sentejn fil-kuntratt tiegħu fil-kapitali Spanjola.