Hekk kif joqrob ix-xahar ta’ Diċembru, joqrob l-avviment annwali ta’ Die Cast & Scale Model Society, avveniment mistenni minn bosta entużjasti tal-minjaturi tal-vetturi tat-trasport. The Biggest Little Motor Show, kif ingħata l-isem ta’ din il-wirja annwali tiġbor fiha għadd ta’ kollezzjonisti ta’ kull età li l-passjoni lejn il-mudelli tal-karozzi tgħaqqadom taħt saqaf wieħed, sabiex jesponu t-talent tagħhom mal-pubbliku.
Delizzju li kullma jmur qiegħed jikber fil-popolarità tiegħu, tant li għadd ta’ membri komplew jissieħbu f’din l-għaqda mwaqqfa fl-2001 u eventwalment kellu
jinstab post akbar mis-snin ta’ qabel sabiex ikun jista’ jakkomoda lil esebituri kollha.
Għal daqstant, għall-ewwel darba, din il-wirja ser tkun qed tittella’ ġewwa s-sala taċ-Ċentru Pastorali Qalb ta’ Ġesù fi Triq il-Biżantini ġewwa l-Qrendi. Sala mdaqqsa, li hija aċċessibli għal kulħadd.
F’din il-wirja, minbarra l-kollezzjonijiet popolari li naraw minn żmien għal ieħor, ta’ diversi skali li jvarjaw bħalma huma karozzi tat-triq ta’ ditti rinomati, karozzi klassiċi, moderni u sportivi, vetturi talkostruzzjoni u oħrajn, wieħed jista’ jsib ukoll mudelli tal-karozzi rally, mudelli ta’ karozzi li dehru f’diversi films, esibizzjoni ta’ muturi u ħelmets dwar Valentino Rossi fost ħafna oħrajn.
Ma’ dawn, għall-ewwel darba ser naraw żewġ kollezzjonijiet mill-isbaħ ta’ karozzi mill-Formula 1, minn żewġ kollezzjonisti li għadhom kemm jissieħbu bħala membri fi ħdan Die Cast & Scale Model Society. Kunċett interessenti li ħa spinta sew tul dawn l-aħħar snin huma għadd ġmielu ta’ dioramas li jinħaddmu mid-dilettant stess sabiex jikkumplimentaw il-kollezzjoni esebita u jqarrbuha kemm jista’ jkun għal xena reali.
Fost dawn id-dioramas mistennija nsibu għall-wiri trakka tal-kwarta mil, wirja ta’
trakkijiet, showroom ta’ karozzi, mudell ta’ ajruport ispirat minn dak ta’ Hamburg, mudell ta’ ferrovija, mudell tal-Port il-Kbir b’bosta vapuri kif ukoll ma’ jonqosx il-mudell ta’ ċirklu li huwa lattrazzjoni ewlenija li kull sena jpaxxi l-għajn.
Iżda dan mhux biss. Uħud mill-aktar mudelli li l-pubbliku ikun qed jistenna biex jara f’din il-wirja li ttella’ Die Cast & Scale Model Society, huma bosta mudelli mdaqqsin li huma kompletament maħduma bl-idejn sal-iċken dettall. Fost dawn insibu l-ikoniċi mudelli ta’ karozzi tal-linja kif ukoll numru ta’ mudelli oħra ta’ vetturi klassiċi li konna naraw fit-toroq tagħna fis-snin l-imgħodija.
U dan mhux kollu. Din is-sena ġiet stedina wkoll is-Sa. Rebecca Micallef, biex tesebixxi waħda mid-djar tal-pupi tagħha mill-kollezzjoni mill-aktar interessanti tagħha – My Miniature World. Is-Sa. Micallef, għadha kemm nehdiet ktieb ftit ġimgħat ilu b’tagħrif dwar il-kollezzjonijiet tagħha u fost dawn ser tkun qed tesebixxi dar fuq stil Vittorjan kompluta sal-iċken dettall li żgur ser tqajjem
interess fost dawk li ser iżuru din l-esibizzjoni.
Matul sena impenjattiva li kellna b’bosta wirjiet żgħar fuq stediniet ta’ bosta organizazzjonijiet oħrajn, intennu l-impenn tagħna lejn il-pubbliku sabiex matul il-ġranet bejn it-12 u l-15 ta’ Diċembru iżuru din il-wirja li bla dubju kull min iżurha żgur ser isib xi ħaġa li tinteressah waqt li anke titqanqal xi nostalġija.
Id-dħul huwa mingħajr ħlas. Die Cast & Scale Model Society tixtieq tirringrazzja lil bosta sponsors li għenu sabiex tkun tista’ tittella’ wirja bħal din.