Tuesday, June 10, 2025

Edizzjoni speċjali tal-Festival tal-Ikel Lokali fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Il-Valletta Local Food Festival se jirritorna b’edizzjoni speċjali nhar il-Ġimgħa 4 sal-Ħadd 6 ta’ Lulju 2025, u se jittrasforma l-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq biex joffri esperjenza kulinari bi prodotti lokali u ċelebrazzjoni komunitarja.

Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Il-Valletta Local Food Festival huwa ċelebrazzjoni sabiħa tal-identità u t-talent lokali tagħna. Għal tlett ijiem, il-Barrakka ta’ Fuq se ssir spazju fejn il-familji, il-viżitaturi u l-produtturi lokali jiltaqgħu flimkien biex igawdu flimkien il-kultura fil-qalba tal-Belt Valletta b’aktar minn 25 produttur lokali.”

“Din l-edizzjoni speċjali tagħti spinta lill-ekonomija kreattiva u lill-komunitajiet tagħna, u tkompli ssaħħaħ ir-rabta bejn il-kultura, l-ikel u n-nies. Nawgura suċċess ieħor lil dan il-festival li jdaħħal l-ispirtu tal-valur lokali u b’hekk nibqgħu nagħtu l-ħajja il-Belt Kapitali tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal, “Bħala Gvern, nibqgħu kommessi li nippreservaw u nippromovu dan il-wirt agrikolu u kulinari. Dan il-festival jirrifletti b’mod ċar l-investiment li qed isir biex nassiguraw futur sostenibbli għall-biedja u għall-produzzjoni lokali. Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna biex inkomplu nipproteġu u nsostnu l-bdiewa u l-produtturi lokali tagħna.”

Jason Micallef, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, tenna “Din l-edizzjoni speċjali tal-Valletta Local Food Festival fil-Belt Valletta hija ċelebrazzjoni vera tal-identità Maltija, tonora lill-bdiewa u l-artiġjani tagħna filwaqt li tgħaqqad lin-nies flimkien biex igawdu t-togħmiet tal-passat u tal-preżent f’wieħed mill-aktar spazji pubbliċi impressjonanti tal-Belt Valletta.”

Brian Vella, Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, qal, “Il-kollaborazzjoni hija fiċ-ċentru tal-missjoni tal-Malta Food Agency u l-Valletta Local Food Festival huwa eżempju perfett ta’ dan. Din is-sħubija strateġika mal-Valletta Cultural Agency tiġbor flimkien l-ikel u l-kultura sabiex tassew tirrifletti l-essenza ta’ Malta.”

Il-Valletta Local Food Festival ta’ din is-sena jgħaqqad flimkien aktar minn 25 produttur lokali, kok, u artiġjan tal-ikel, li jippreżentaw firxa abbundanti ta’ ikel u xorb awtentiku Malti. Minn ġbejniet friski u moqlija, ħalib tan-nagħaġ, kannoli, bigilla, bebbux, u għasel sa mazzola, torti tat-tamal, kirxa, ħobż biż-żejt tradizzjonali, ġamm, u chutneys, kull stand toffri togħmiet bnini u ħafna tradizzjoni. Se jintwerew ukoll prodotti innovattivi bħal ħelu infuż bil-bajtra, kannoli mimlija biċ-ċikkulata, melħ bit-togħma, u likuri artiġjanali.

Ewlenija f’din l-edizzjoni se tkun stand immexxija mill-Kok Charles Bone, li fuqha se jkun hemm tisjir live minn koki lokali. Dawn is-sessjonijiet, li jinkludu riċetti ta’ kuljum bi prodotti friski lokali u enfasi fuq il-ħut Malti, għandhom l-għan li jispiraw prattiki ta’ tisjir sostenibbli.

Il-festival se jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ Benna, San Niklaw Farm, il-Koperattiva Maltija tal-Mogħoż u n-Nagħaġ, The Malta Beekeepers’ Association, Lucky Star Bakery, Flavours of Gozo, u ħafna aktar. Numru ta’ għaqdiet kulturali u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ se jservu wkoll platti sustanzjużi bħal laħam tal-ħaruf, il-kirxa u platti oħra tradizzjonali.

Minbarra l-varjetà ta’ ikel, il-festival għandu programm ta’ divertiment filgħaxija li jinkludi lil Sarah Bonnici u l-band tagħha, Tikka Banda, Klinsmann Trio, u The Dropout DJ Brass Band bis-sehem tal-kantanti Olivia Lewis, Mike Spiteri, Neville Refalo, u Ritienne.

Il-Valletta Local Food Festival 2025 huwa bla ħlas u miftuħ għal kulħadd, u joffri opportunità lill-pubbliku biex jesperjenza r-rikkezza tal-kultura tal-ikel Malti. Organizzata b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Malta Food Agency, din l-edizzjoni se toffri varjetà aktar minn qatt qabel.

Għal aktar dettalji żur is-sit elettroniku u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport