Friday, November 15, 2024

Edukaturi fil-Kulleġġ San Albert stennew il-bidu ta’ sena skolastika biex irreżenjaw

Jallegaw f’ittra miftuħa li hemm min qiegħed jaħdem biex tikkollassa s-sistema edukattiva

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Aħna nixtiequ naħdmu għall-ġid tal-istudenti tagħna, b’mod speċjali dawk li waslu fl-aħħar sena sekondarja”, hekk sostna wieħed mill-edukaturi tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir b’reazzjoni għal dak li qiegħed jintqal f’xi mezzi tax-xandir u fuq il-midja soċjali dwar is-sitwazzjoni fil-Kulleġġ.

L-edukatur kompla biex jispjega li numru ta’ edukaturi oħrajn minn kull settur, staff amministrattiv u xi ġenituri qed jesprimu tħassib dwar il-fatt li grupp żgħir ta’ għalliema li m’għadhomx jiffurmaw parti mill-komunità qed jagħmlu ħsara kbira bil-għan li tikkollassa s-sistema edukattiva.

L-edukatur spjega dwar kif flimkien ma’ edukaturi oħrajn tal-Kulleġġ, ilhom għaddejjin b’ħidma u preparamenti sa mis-sajf, minkejja spekulazzjonijiet u inċertezzi dwar x’kien se jkun l-andament tas-sitwazzjoni li nħolqot fl-aħħar xhur.

L-ittra tgħid ukoll kif numru ta’ membri tal-istaff stennew il-bidu ta’ sena skolastika biex jirreżenjaw u barra minn hekk hemm ukoll studenti li qed jiġu instigati biex jiktbu messaġġi u jwaħħluhom mal-ħitan tal-iskola. L-edukatur ikkjarifika li filwaqt li dawn l-għalliema kellhom kull dritt jirreżenjaw, il-ħsara li qed issir hija irreparabbli u li fost dawk li l-aktar se jkunu qed ibatu minn dan il-kaos huma proprju l-istudenti, b’mod speċjali dawk fl-aħħar sena sekondarja.

Spjega wkoll dwar il-problema tal-“aħna” u “huma” li xejn mhi qiegħda tgħin biex titranġa s-sitwazzjoni. Żied biex jikteb li kemm ir-Rettur Fr. Aaron Zahra kif ukoll il-Kap il-ġdid tas-Sekondarja s-Sur Horace Gauci huma persuni kompetenti ħafna li qegħdin jaħdmu biex il-livell edukattiv jitjieb minkejja l-ostakli kollha li qed jaffaċċjaw.

Kiteb isemmi wkoll dwar intimidazzjoni minn kollegi li b’mod aggressiv qed iwaqqfuhom milli jitkellmu dwar l-affarijiet pożittivi fil-Kulleġġ u li b’din l-attitudni qed imorru kontra l-prinċipju tal-Kulleġġ li jgħid li “aħna nilqgħu lil kulħadd”.

Punt ieħor li jsemmu l-edukaturi fl-ittra huwa l-fatt li minbarra l-edukazzjoni tal-istudenti, huma fid-dmir ukoll li jieħdu ħsieb lil uliedhom u l-impjieg tagħhom li ta’ kuljum qed jispiċċa mhedded minħabba din l-attitudni ta’ xi persuni.

Finalment huma tennew jgħidu li għalkemm mhux kompitu tagħhom li jidħlu fid-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-bord u mill-Provinċja Dumnikana, jixtiequ li fl-aħjar interess tal-istudenti, jinġibed ħabel wieħed biex il-Kulleġġ ikompli jeduka studenti mingħajr xkiel bħalma dejjem għamel fil-passat.

Ekonomija

Sport