Fis-sena 2023 kellna 3,589 persuna li rrapportaw li kienu qegħdin jgħaddu minn fażi ta’ vjolenza domestika jew użaw is-servizzi maħluqa apposta. Ftit aktar minn tliet kwarti ta’ dawn il-vittmi (75.4%) kienu nisa waqt li 24.6% kienu rġiel. Hawn naraw żbilanċ qawwi fost il-vittmi fejn il-maġġoranza li jsofru tali abbuż huma n-nisa. Żbilanċ dovut għal normi b’għeruq fondi fis-soċjetà tagħna, normi patrijarkali li nisġu fina l-idea li l-mara hija individwu inqas mir-raġel. Huwa għalhekk ovvju li l-ewwel u l-aktar pass kruċjali hija l-edukazzjoni b’mod speċjali tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. L-edukazzjoni bikrija hija ċ-ċavetta biex neliminaw il-patrijarkiżmu.
Huwa fatt li l-vjolenza domestika u l-femiċidji huma fenomenu universali però dan ma jfissirx li jkollna nirrassenjaw ruħna għax sempliċiment jiġri anke f’pajjiżi oħra. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar snin, pajjiżna għamel passi ta’ ġgant b’ħidma għal tolleranza żero għall-vjolenza domestika. Biżżejjed insemmu l-implimentazzjoni ta’ Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika (2023-2028), tisħiħ ta’ kollaborazzjoni f’pajjiżna u barra, investiment fir-riċerka u l-evalwazzjoni ta’ impenn li diġà kien hemm u inizjattivi ġodda fosthom l-elettronic tagging, il-panic alarms u taħriġ ta’ professjonisti fil-qasam. Ma’ dan kollu, hemm il-kampanji ta’ għarfien u edukazzjoni u żieda fis-servizzi u l-għajnuna kemm għall-vittmi, għall-agressuri u għat-tfal involuti. Servizzi tajbin ħafna huma l-hubs fil-lokalitajiet u assessjar ta’ riskju għal min jirrapporta. Dawn, qabel, ma kellniex.
Quddiem il-persistenza ta’ dan it-tip ta’ abbuż, huwa rikonoxxut li l-edukazzjoni hija kruċjali. Il-vjolenza domestika hija qasam li qiegħed jirriżulta ta’ sfida. Dan minħabba li anke fil-kuntest Malti, irridu niġġieldu mentalità patrijarkali li baqgħet tlum fuqna tul is-snin. Nemmnu li din il-mentalità tista’ tinbidel b’mod effettiv jekk nibdew miż-żgħar nett, it-tfal li jekk inrawwmuhom tajjeb minn ċkunithom, għalihom ir-rispett lejn is-sess ġentili jkun awtomatiku u norma. Dan hekk kif ġara fl-edukazzjoni pprovduta fuq ir-rispett lejn il-ġeneri differenti. Hawn, Malta hija kkonsidrata bħala waħda mill-aktar progressivi.
Fir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta indipendenti dwar is-servizzi ta’ natura soċjali li ngħatat l-aħħar vittma ta’ femiċidju, fil-fatt hemm speċifikata l-importanza ta’ edukazzjoni lit-tfal. Din l-edukazzjoni ġiet rakkomandata għall-istudenti tar-raba’ u l-ħames sena tas-sekondarja. Filwaqt li hija rakkomandazzjoni tajba, nemmnu li tali għarfien u żerriegħa pożittiva għandha tinħasad minn etajiet iżgħar b’lezzjonijiet forma ta’ logħob u tpinġija li jkunu adattati għall-etajiet tal-istudenti. Dan biex minn kmieni t-tfal tagħna jidħlu f’dinja ta’ ugwaljanza u rispett reċiproku.
Hija realtà li fis-soċjetà tagħna hemm tfal ta’ etajiet żgħar li quddiemhom għandhom xeni ta’ vjolenza domestika. Huwa għaldaqstant importanti li nindirizzawhom anke s-suġġett tal-vjolenza domestika f’dawn l-etajiet. Tfal żgħar fostna huma esposti u għaldaqstant influwenzati minn dan it-tip ta’ abbuż inaċċettabbli. Ma rridux li għalihom jew tiġi norma, jew inkella tidħilhom fis-sub konxju b’konsegwenza li meta jikbru jispiċċaw jikkupjaw anke mingħajr ma jridu, tali abbuż.
Naqblu li ħadd m’għandu dritt li jerfa’ jdejh fuq ħaddieħor u li l-istudenti tagħna għandom joħorġu mill-iskejjel b’idea ċara li llum il-mara għandha postha fis-soċjetà moderna. Il-mara mhiex inqas jew aktar baxxa mir-raġel. Naqblu wkoll li l-istudenti femminili għandhom jifhmu u jistinkaw għall-indipendenza finanzjarja tagħhom għax iva, hemm nisa li jibqgħu jsofru l-vjolenza domestika għax jiddependu finanzjarjament mir-raġel tagħhom.
Huwa għalhekk kruċjali li nibdew bl-edukazzjoni. Edukazzjoni bikrija li tiġġieled l-ewwel u qabel kollox mentalitajiet antikwati u oppressivi bħalma huwa l-patrijarkiżmu. Għaldaqstant iva, għandna nedukaw. Nedukaw minn kmieni biex il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jitilgħu ħielsa darba għal dejjem mill-patrijarkiżmu li ħafna drabi jwassal għall-vjolenza domestika.