L-eks stilla ta’ Manchester United, Ajax u Olanda Edwin van der Sar iddaħħal l-isptar fil-Kroazja wara li sofra emorraġija fil-moħħ.
L-eks goalkeeper ta’ 53 sena kien jinsab għal btala. Huwa ttieħed l-isptar b’ħelikopter, u l-eks klabb Ajax bagħtu messaġġ ta’ appoġġ malli saru jafu bl-aħbar, bl-ewwel 24 siegħa meqjusa kruċjali.
“Nhar il-Ġimgħa, Edwin van der Sar kellu dmija madwar moħħu,” qalet l-istqarrija ta’ Ajax. “Bħalissa jinsab l-isptar fit-taqsima tal-kura intensiva u jinsab f’kundizzjoni stabbli.
“Ladarba jkun hemm aktar informazzjoni konkreta, se jsegwi aġġornament. Ajax jawguraw fejqan ta’ malajr lil Edwin. Qed naħsbu fik.”