Żewġt irġiel – Eġizzjan u Libjan – inżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu fil-Qorti t’Għawdex fejn ġew mixlija b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess tad-droga kokaina.
L-imputati – Goma Mohammed Abdelmohsen Mohamed ta’ 35 sena u Abdul Hamid Mohammed ta’ 36 sena, it-tnejn residenti Marsalforn, Għawdex – kienu mixlija wkoll b’ħasil ta’ flus.
Fil-Qorti, l-Ispettur Jonathan Pace spjega kif il-Pulizija kienu ilhom ġimgħat sħaħ josservaw residenza f’Marsalforn. Spjega li Goma kien ikun ħafna fir-residenza filgħodu u meta joħroġ kien joqgħod fil-bars, iżda dejjem b’għajnejh fuq l-istess residenza. Iż-żewġ akkużati kontinwament kienu qegħdin jagħmlu kuntatt ma’ xi persuni permezz tal-mobile.
L-Ispettur kompla jgħid li Abdul Hamid imbagħad kien joħroġ mir-residenza bi scooter u joqgħod idur Marsalforn fejn kien jiltaqa’ ma’ xi persuni u allegatament jagħtihom xi ħaġa. L-istess nies imbagħad kienu jagħtuh xi flus.
Fil-Qorti ntqal li wara li nġieb mandat ta’ tfittxija, il-Ġimgħa li għadda għall-ħabta tas-6.00 p.m., il-pulizija daħlet fir-residenza. L-Ispettur qal li Abdul Hamid kien qiegħed fuq is-sodda filwaqt li Goma kien qiegħed ftit metri ’l bogħod minnu.
Intqal li l-pulizija għandhom diversi filmati u ritratti taż-żewġ imputati allegatament jittraffikaw id-droga f’Marsalforn. Hekk kif ġew arrestati, l-Ispettur qal li “tlabt lill-imputati biex jikkoperaw u jgħiduli fejn kienet id-droga. Huma qaluli li fl-appartament ma kien hemm l-ebda droga kif ukoll li huma lanqas kienu jafu lil xulxin. Imma hekk kif bdiet it-tfittxija, fl-ewwel kamra ħdejn purtiera sibt bott tal-ispices li xħin ftaħtu kien hemm diversi boroż żgħar kollha bid-droga fihom lesti biex jiġu traffikati.”
L-Ispettur żied jgħid li t-tfittxija kompliet fil-kamra tas-sodda fejn fuq il-gwardarobba nstabet borża li fiha kien hemm madwar 60 gramma ta’ droga. “Mill-esperjenza tiegħi fil-korp tal-pulizija din il-borża tesa’ madwar 100 gramma u għalhekk hemm suspetti qawwija li l-imputati kienu diġà biegħu madwar 40 gramma minnha,” tenna l-Ispettur.
Kompla jixhed li fil-kamra ta’ ġewwa instabu affarijiet relatati mat-traffikar fosthom miżien filwaqt li fil-kċina kien hemm fruttiera li fiha kien hemm ammont kbir ta’ boroż żgħar l-istess bħalma nstab fil-bott tal-ispices.
L-Ispettur spjega li fuq il-medja tal-ikel instabu kontijiet tal-kera tal-appartament, u meta ġew mistoqsija min qiegħed iħallas il-kera t-tnejn li huma qalu li lanqas jafu min hu li persuna li hemm imniżżel fuq l-istess kont tal-kera.
Waqt l-interrogazzjoni, iż-żewġ imputati bdew jagħtu verżjonijiet differenti minn xulxin u baqgħu jgħidu li huma ma jafux lil xulxin. Iżda aktar tard, Goma ammetta li kien jaf lil Hamid u anke qal li l-kera tal-appartament kienet titħallas jew minnu jew minn Hamid jew inkella tinqasam min-nofs.
L-Ispettur Pace qal li fl-appartament instabu diversi karti tal-100 ewro fiwlaqt li fuq Goma instab mobile li fuqu kien hemm diversi messaġġi li kien jgħid “lill-klijenti kemm tiswa l-istess droga. Ħafna mill-pakketti minħabba li kienu żgħar ħafna kienu jinbiegħu għal 5 ewro.
Waqt l-interrogazzjoni, l-Ispettur staqsa lill-imputati minn fejn ġabu dawk il-karti tal-100 ewro b’Goma jwieġeb li hu jaħdem bħala kaħħal u jiksi l-appartamenti u kien jaqla’ l-flus minn hemm.
Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, l-Ispettur Pace qal li waqt l-istess interrogazzjoni qal lil Goma jekk hux konxu tal-ħsara li kien qiegħed jagħmel liż-żgħażagħ li mingħandu kienu qegħdin jixtru d-droga. “Għal din il-mistoqsija Goma beda jidħak,” tenna l-Ispettur.
Intant, fil-Qorti l-imputati ma riedu jwieġbu għall-ebda mistoqsija li saritilhom u lanqas jekk humiex ħatja jew le. Il-Maġistrat Grech qalet li fid-dawl li ma riedu jwieġbu għall-ebda mistoqsija, skont il-liġi hija qiegħda tqishom mhux ħatja.
Il-Prosekuzzjoni għamlet talba biex l-assi kollha tal-imputati jiġu ffriżati, bid-Difiża ma ssibx oġġezzjoni. Għalhekk il-Qorti laqgħet din it-talba.
Id-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest, għalhekk il-Qorti ordnat li jibqgħu jinżammu arrestati.
L-Avukat Daniel Calleja deher għal Goma Mohamed filwaqt li l-Avukat Maria Bartoli Dimech dehret għal Abdul Hamid.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Pace flimkien mal-Avukat Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.