Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm tal-“Milied f’Għawdex” b’madwar 165 attività għall-familja kollha li se jibdew fid-29 ta’ Novembru 2025 u jibqgħu sejrin sas-6 ta’ Jannar 2026. Ikkordinat mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru, is-Sibt 29 ta’ Novembru se jingħata bidu għall-programm “Milied f’Għawdex” bil-kunċert “Christmas it’s Time” fit-Teatru tal-Opra Aurora, il-Belt Victoria. Il-qofol jintlaħaq lejlet l-ewwel tas-sena bi spettaklu mill-aqwa fil-Belt Victoria bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kantanti lokali u tal-mistiedna internazzjonali Eiffel 65.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Għal darb’oħra l-Ministeru qed jieħu ħsieb programm estensiv mifrux madwar il-gżira kollha b’diversi attivitajiet varji b’kollaborazzjoni ma’ diversi VOs u kunsilli lokali. Il-Milied f’Għawdex jibqa’ wieħed mill-aktar avvenimenti importanti, li matul is-snin kiber u sar ċentru ta’ esperjenza unika għall-familji kollha. Għal sena oħra nistieden lil kulħadd sabiex jiġu u jgawdu magħna dan iż-żmien sabiħ tas-sena.”
Huwa fakkar kif is-settur turistiku f’Għawdex kompla jissaħħaħ matul is-sena kollha tant li l-istatistika turi li l-akbar żidiet fit-turisti kienu proprju fl-istaġuni li tradizzjonalment kienu meqjusa aktar kwieti. Il-Ministru Camilleri stqarr li dawn ir-riżultati jagħtu kuraġġ għal iktar ħidma b’kuraġġ, għax meta t-turiżmu f’Għawdex jagħti frott, jibbenefika kulħadd.
Il-programm varjat ta’ avvenimenti għall-“Milied f’Għawdex” din is-sena jinkludi attivitajiet popolari fosthom il-Parata tal-Milied fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat; Betlehem f’Għajnsielem, Dinja tat-Tfal fil-Villa Rundle fejn se jkun hemm ukoll Christmas Market u Illuminated Gardens, ir-Rabat; The Rock n’ Roll Panto Robin Hood and the Babes in the Wood, Teatru Astra; Christmas Magic – Għar Ilma, Santa Luċija; Santa’s Workshop Ta’ Dbieġi Crafts Village, l-Għarb, Carols by Candlelight, kunċerti u diversi presepji tradizzjonali Għawdxin. Dawn l-attivitajiet huma maħsuba biex joffru divertiment, kultura u atmosfera ta’ festa tul dan l-istaġun maġiku.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-“Milied f’Għawdex” huwa possibbli grazzi għall-ħidma u l-involviment ta’ ħafna nies fosthom il-ħaddiema tal-Ministeru, organizzaturi, artisti u voluntiera li bil-passjoni u t-talent tagħhom jagħmlu dan iż-żmien aktar speċjali.
Għal aktar tagħrif u aġġornamenti dwar l-attivitajiet u l-avvenimenti kollha li se jittellgħu f’Għawdex wieħed jista’ jidħol fuq https://eventsingozo.com/christmas-in-gozo-2025/#programme-booklet.

