EINTRACHT F…….1
RANGERS………….1
(Eintracht F. 5-4 bil-penalties)
Eintracht Frankfurt rebħu l-UEFA Europa League meta għelbu lil Rangers 5-4 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita spiċċat fi draw ta’ 1-1. Għaldaqstant b’dan is-suċċess staġun ieħor Eintracht se jilagħbu fil-UEFA Champions League.
Fl-ewwel taqsima l-Ġermaniżi kienu territorjalment aħjar fejn ġiegħlu lil Rangers jirtiraw lura li dehru maħkuma min-nervożiżmu biex bdew itajru l-ballun minn wara mingħajr wisq ideat fejn kienu wkoll erratiċi. Peró Eintracht naqsu li jkunu nċiżivi.
Fit-tieni taqsima l-logħob kien wieħed maqsum sakemm Rangers fetħu l-iskor minn azzjoni mejta biex il-partita ħadet xejra oħra u saret aktar interessanti … b’Eintracht jiksbu d-draw … u l-partita tmur fil-ħin barrani.
Eintracht kellhom bidu ħażin meta wara biss ħames minuti l-captain, Rafael Borre, sofra foul ikrah f’rasu wara li John Lundstram għolla siequ biex jipprova jantiċipah bil-konsegwenza li kellu jingħata attenzjoni medika għal ftit minuti u fejn rasu ġiet infaxxata biex seta’ jkompli.
Fit-12-il minuta, il-goalkeeper ta’ Rangers, Allan McGregor (40 sena), wettaq l-ewwel save tal-partita meta salva xutt bid-dawra ta’ Daichi Kamada.
Fl-20 minuta, reġa’ kien McGregor providenzjali għall-Skoċċiżi meta dawwar f’corner ix-xutt insidjuż ta’ Ansgar Knauff.
Rangers għamlu reazzjoni u fis-27 minuta resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta x-xutt imdawwar ta’ Joe Aribo minn barra l-kaxxa għadda jħakkek mal-wieqfa.
Fil-31 minuta, f’kontrattakk veloċi Filip Kostic ġera minn kaxxa sa kaxxa iżda x-xutt angolat tiegħu għadda ma’ sieq il-lasta b’McGregor megħlub għal kollox … biex falla ċans għal Eintracht.
Rangers irrispondew bi free-kick ta’ Borna Barisic lejn John Lundstram li d-daqqa ta’ ras tiegħu sabet lill-goalkeeper Kevin Trapp attent li dawwar f’corner.
It-tieni taqsima fetħet b’xutt ta’ Tuta minn barra l-kaxxa li ħalla lil McGregor iħares iżda bl-għajta tal-goal ħabat ma’ Clavin Bassey u għadda ftit millimetri ma’ sieq il-lasta.
Fit-53 minuta, Eintracht appellaw għal penalty meta Connor Goldson għamel kuntatt ma’ Rafael Borre fil-kaxxa b’dan tal-aħħar jaċċentwa l-waqgħa … u wara verifikazzjoni mal-VAR … kollox deher normali.
Fis-57 minuta, Rangers fetħu l-iskor meta Joe Aribo approfitta minn nuqqas ta’ ftehim bejn Djibril Sow u Tuta fi tliet kwarti ta’ ground u telaq jiġri biex antiċipa l-ħarġa ta’ Trapp billi pplejsja l-ballun fix-xibka.
Minuta wara, il-Ġermaniżi appellaw għal penalty meta sostnew li x-xutt ta’ Jesper Lindstrom ħabat ma’ id Calvin Bassey … iżda fil-veritá l-ballun ħabat ma sidru.
Fit-68 minuta, żball fid-difiża ta’ Rangers kien se jiswa detrimentali meta Borre żmarka għal kollox lil Kamada li pprova jillobja minn fuq ras il-goalkeeper McGregor iżda ballun spiċċa fuq ix-xibka minn barra.
Minuta wara, Eintracht kisbu d-draw meta mill-cross ta’ Filip Kostic, Rafael Borre daħal bejn żewġ difensuri u rtokka l-ballun għal ġewwa.
Wara dan il-goal, Eintracht ippruvaw jiskorjaw il-goal tar-rebħa iżda ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja biex il-partita kellha tmur fil-ħin barrani … bl-aħjar ċans jasal, tliet minuti mit-tmiem, għand Ryan Kent li minn taħt il-lasti ra lil Trapp jilqa’ t-tentattiv tiegħu.
Bir-riżultat jibqa’ ma jinbidilx kellhom jingħataw il-penalties.
Għal Rangers skorjaw James Tavernier, Steven Davis, Scott Arfield, Kemar Roofe iżda falla Aaron Ramsey.
Għal Eintracht skorjaw Christopher Lenz, Ajdin Hrustic, Daichi Kamada, Filip Kostic u Rafael Borre.
.