Friday, July 4, 2025

‘Ejja ħa naħdmu flimkien sabiex il-klabb tagħna jistabilixxi ruħu bħala wieħed mill-klabbs ewlenin ġewwa Għawdex’ – Dr Alvin Grech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

M’għandix memorji qodma minn meta kont żgħir fejn il-futbol ma kienx parti minn ħajti. Minn meta kont tifel żgħir, dejjem kien hemm passjoni kbira lejn il-football. Niftakar il-ġranet meta ommi kienet toqgħod ħdejn il-klabb ta’ Kerċem Ajax, u b’hekk nista’ ngħid li l-klabb kien it-tieni dar tiegħi. Bdejt bħala plejer u meta kelli 18-il sena, bdejt ukoll fil-Kumitat.

Wara ftit zmien kien avviċiniani l-president tal-GFA biex ngħinu u għamilt perjodu qasir segretarju ta’ Kerċem Ajax u assistent segretarju tal-GFA.  Wara għamilt madwar 15-il sena fil-GFA bejn segretarju ġenerali u president fejn kelli diversi esperjenzi fl-MFA u l-UEFA.  Fl-2014 waqaft mill-GFA biex mort Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board.  Sentejn ilu wara li kont waqaft mill-GSB avviċinawni rappreżentanti ta’ Kerċem Ajax biex nerġa’ ningħaqad magħhom u hekk erġajt bdejt fil-futbol din id-darba bħala president ta’ Kerċem Ajax.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Kerċem Ajax FC.

Ir-rwol tiegħi bħala president huwa bbażat fuq amministrazzjoni, fejn inżomm il-klabb u l-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Il-ħidma hija kontinwa, iżda nista’ ngħid li l-kumitat huwa kompost minn persuni ħabrieka ferm li jaħdmu kontinwament u ma jieqfu qatt.

Il-klabb jeħtieġ ikollu amminstrazzjoni u infrastruttura b’saħħitha, kemm fil-futbol kif ukoll fl-amministrazzjoni, u għalqdatant ir-rwol prinċipali tiegħi huwa li nassigura li dawk kollha involuti jagħmlu xogħol professjonali biex jiżguraw li l-klabb jibqa’ suċċess.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni f’Għawdex?

Il-kisbiet tagħna ġew b’għaqal amministrattiv u Technical Unit eċċellenti. Il-coaching staff tal-klabb ħadem b’impenn, dedikazzjoni u għaqal kbir, fejn attiraw players ta’ kwalitá u serji. B’hekk, irnexxielna nagħtu prestazzjoni eċċezzjonali matul l-istaġun li għadda.

Kif qed tħarsu lejn staġun ieħor fejn issa se tkunu qed tilagħbu fl-Ewwel Divizjoni?

B’ottimiżmu u responsabbiltá. Responsabbiltá lejn il-partitarji, plejers u dawk kollha involuti.  B’ottimizmu għax nemmnu li se ninżlu għal kull logħba biex nagħmlu ġieħ lill-klabb tagħna.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Danijel Bogdanovic?

Danijel huwa kowċ eċċellenti, ta’ dixxiplina straordinarja. Nemmen li huwa wieħed mill-aqwa kowċis fil-gżejjer Maltin. Nirringrazzjah ħafna għall-impenn tiegħu u għall-ħidma kbira li qed jagħmel mal-plejers tal-klabb. L-għaqda u d-dedikazzjoni tiegħu qed iwasslu għal riżultati tajbin u għal viżjoni ċara.

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Meta tikkonsidra l-fatti u r-realtajiet kollha, il-livell tal-futbol għal Ghwdex huwa wieħed tajjeb. Irid ikun hemm investiment akbar fin-nurseries peressli t-tfal illum għandhom ħafna alternattivi għall-futbol. 

Naħseb li wasal iż-zmien fejn in-nurseries Ghawdxin jingħataw il-possibiltá li jikkompetu Malta għax b’hekk nagħtu opprtunitajiet akbar lit-tfal tagħna. Din tista’ tkun wahda mis-soluzzjonijiet sabiex il-kampjonat Ghawdxi jidhlu fih aktar players Ghawdxin ta’ kwalita u jintilfux aktar players min mat-timijiet Ghawdxin. 

Hawn qed nitkellem għan-nurseries biss peressli nemmen illi l-Kampjonat Għawdxi għandu jibqa’ kif inhu … jiġifieri organizzat mill-GFA.

L-iskop huwa ċar, illi filwaqt li nesponu l-plejers żgħar tagħna għall-futbol ta’ livell ogħla mal-klabb tagħhom stess inżommuhom mal-‘parent club’. Illum  l-aħjar tfal qed jissieħbu ma’ nurseries Maltin.  Dan kemm minħabba exposure kif ukoll livell ta’ kampjonti tan-nurseries tagħna.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

 Meta kont president tal-GFA konna għamilna investiment sostanzjali fil-faċilitajiet sportivi.  Nemmen li l-faċilitajiet huma tajbin għalkemm iridu manutenzjoni kontinwa.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?

Aħna għasafar tal-passa … illum hemm u għada m’aħniex peró l-klabb jibqa’ hemm.  Personalment m’għandix ambizzjonijiet fil-futbol.  Jien inħobb il-klabb tiegħi.  Sakemm il-membri jagħtuni l-fiduċja naħdem sabiex il-Klabb li nħobb ikun dejjem quddiem jiġġieled għall- unuri. Dan filwaqt li jkun finanzjarjament sostenibbli.  Għaldaqstant l-unika ambizzjoni amministrattiva tiegħi hija li nara l-klabb ta’ Kerċem Ajax stabbilit u magħqud.  Fi kliem ieħor sostenibbli finanzjarjament u fl-istess waqt jisfida għall-unuri kull staġun.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Ngħaddi żewġ messaġġi.  L-ewwel wieħed lil dawk kollha involuti fil-klabb tagħna.  Ejja ħa naħdmu flimkien sabiex il-klabb tagħna jistabilixxi ruħu bħala wieħed mill-klabbs ewlenin ġewwa Għawdex!

It-tieni lil dawk kollha involuti fl-amministrazzjoni tal-futbol Għawdxi.  Aħna l-amministraturi li qed jafdawlna l-klabbs f’idejna għandna d-dmir li nħallu l-klabbs konċernati aħjar milli sibnihom.  Dak huwa r-rwol prinċipali ta’ kull amminstratur.  L-unuri u l-glorja huma sekondarji.  L-ewwel u qabel kollox għandha tkun is-sostenibbiltá u l-organizzazzjoni amministrattiva tal-klabb. Jekk ikollkom dawn, ir-rebħ u l-unuri jiġu meta jkun il-waqt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport