Saturday, November 23, 2024

“Ejja ħa narak fil-gradwazzjoni tal-Caritas is-sena d-dieħla”

Il-Maġistrat Joe Mifsud lil raġel li jrid joħroġ mill-vizzju tad-droga

Aqra wkoll

Raġel ta’ 39 sena li ammetta fil-Qorti li seraq sitt ifliexken tax-xorb iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jrid joħroġ mill-vizzju tad-droga u dan se jagħmlu billi jsegwi programm tal-Caritas. Huwa nsista li l-għan tiegħu huwa dak li s-sena d-dieħla jkun fost dawk li jiggradwaw minn dan il-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

Huwa għamel din l-intenzjoni tiegħu ċara wara li l-Maġistrat Joseph Mifsud qallu li mhux id-dixxiplina li toqtlok imma d-droga. “Ejja ħa narak fil-gradwazzjoni tal-Caritas is-sena d-dieħla,” kompla jinkoraġġih il-Maġistrat Mifsud li qabel ma jtih is-sentenza se jsegwi l-progress li jkun għamel f’dan ir-rigward sabiex tkun riflessa fil-piena prospettiva. 

Nicholai Azzopardi, li jaħdem fil-kostruzzjoni, wieġeb ħati għall-akkużi li l-Ħadd li għadda seraq fliexken tax-xorb minn ġewwa l-istabbiliment Interspar li jinsab fid-Daniel’s Shopping Complex, fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun. Huwa ammetta wkoll li wettaq reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation. 

Fil-Qorti ħareġ li Azzopardi kien ammetta mal-pulizija li kien hu li seraq dawn il-fliexken tax-xorb, u kkonferma tali ammissjoni quddiem il-Maġistrat Mifsud. L-imputat qal ukoll li kien dispost li jħallas lura l-ammont ta’ €162 b’rabta mal-oġġetti misruqa. 

Is-sentenza fil-konfront tiegħu tingħata fis-17 ta’ Novembru li ġej. Sadanittant, huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija personali ta’ €5,000 u kien obbligat li jiffirma l-Għassa ta’ Ħal Qormi darba fil-ġimgħa.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna. L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għal Azzopardi. 

Sport