Sunday, December 22, 2024

“Ejja ma narawx liż-żgħażagħ bħala problema… flimkien nistgħu ngħinuhom jimxu ‘l quddiem”

Il-Manager tal-Youth Services, Martin Chetcuti, jitkellem dwar kif l-FSWS qed tkun ta' spalla għal dawk iż-żgħażagħ vulnerabbli.

Aqra wkoll

Ir-riċerka turi li ż-żmien tal-adoloxxenza huwa wieħed fejn fih jaf ikun hemm ċerti sfidi hekk kif l-adoloxxenti jesperjenzaw ħafna bidliet mhux biss fiżikament iżda wkoll emozzjonali u soċjali.

Għal xi żgħażagħ dawn l-isfidi jistgħu jiżdiedu bil-wisq minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ fejn ikunu qed jgħixu ma tkunx waħda mill-aħjar u jista’ jagħti l-każ li jkunu jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Mhux l-ewwel darba li sfortunatament in-nies jiġġudikawhom jew jarawhom bħala problema, iżda ċertament dan m’għandux ikun. Fil-fatt, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tisħaq dwar l-importanza li ż-żgħażagħ vulnerabbli mhumiex problema.

Dwar dan Maria Azzopardi, Uffiċjal tal-Marketing tal-FSWS u l-istess persuna li kitbet dan l-artiklu, tkellmet mal-Manager tal-Youth Services Martin Chetcuti fejn spjega d-diversi programmi offruti għaż-żgħażagħ li jistgħu jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali.

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) għandha għadd ta’ programmi, proġetti u inizjattivi biex jgħinu liż-żgħażagħ vulnerabbli li jistgħu jkunu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. X’inhuma wħud minn dawn l-inizjattivi?

Is-servizz taż-żgħażagħ huwa maqsum f’għadd ta’ dipartimenti u mhux qiegħed hemm biex jindirizza l-bżonnijiet taż-żgħażagħ b’mod ġenerali li hawn fil-pajjiż imma qed niffukaw fuq żgħażagħ vulnerabbli u li għaddejjin minn sitwazzjonijiet possibilment diffiċli wkoll. Dawn is-servizzi jaqgħu taħt ir-responsabiltà tad-Direttorat Kura Alternattiva.

Unit minnhom huwa l-‘Youth in Focus’ li fih il-ħaddiema soċjali jiddentifikaw x’inhuma r-realtajiet u l-isfidi illi qed jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ. L-iskop huwa li jkun hemm proċess twil u metikoluż ta’ engagement biex inkunu nistgħu nassistuhom fiż-żmien tal-adoloxxenza u ż-żgħożija tagħhom.

Dan is-servizz huwa immirat għal żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-18-il sena li jkunu għaddejjin minn sfidi varji fosthom rabja, problemi ta’ relazzjoni mal-ġenituri, użu jew abbuż ta’ droga u/jew alkoħol, imġieba kriminali u abbuż emozzjonali. Is-servizz huwa volontarju u normalment iż-żgħażagħ ikunu riferuti jew mill-ġenituri jew professjonisti oħrajn.

Il-professjonisti tagħna jfasslu metodi differenti li jiddependu miċ-ċirkostanza, il-karattru u r-realtà taż-żagħżugħ/a u jsiru diversi interventi biex nuruhom li verament jinteressana minnhom. Aħna naħdmu b'”Action Based Approach” fejn nevalwaw dawn ir-realtajiet u flimkien maż-żagħżugħ/a noħolqu l-aħjar pjan ta’ azzjoni. Is-suċċess fl-interventi jistgħu jintlaħqu biss jekk is-sistema kollha, u allura kemm il-familja kif ukoll iż-żagħżugħ/a, ikunu qed jaqblu li tingħata l-għajnuna u flimkien jaħdmu id f’id mal-professjonist biex jiġi reġistrat titjieb fis-sitwazzjoni.

Għandna wkoll ‘Embark for life’ li joffoka iktar fejn jidħol l-impjieg u l-edukazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ vulnerabbli, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn il-15 u l-25 sena, fejn anke jkun hemm sessjonijiet personalizzati one-to-one mal-youth workers tagħna. Isiru wkoll għadd ta’ workshops anke b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn fosthom JobsPlus. Permezz t’hekk ngħinuhom joħolqu bħal pjan ta’ xi bżonnijiet għandhom bżonn filwaqt li ninkoraġġixxuhom jipparteċipaw fi programmi edukattivi ħalli jkun aktar faċli għalihom biex isibu xogħol.

Nifhmu li jeżistu sitwazzjonijiet fejn iċ-ċirkostanzi tal-passat ma jkunu għenuhom xejn u għalhekk irridu naraw kif nagħmlu l-kuraġġ lil dawn iż-żgħażagħ biex l-ewwel ħaġa jemmnu fihom infushom u jitgħallmu jaraw l-importanza u l-pożittiv fihom infushom. Għaldaqstant naħdmu bħala tim multidixxiplinarju bil-għan li noħolqu servizz li jindirizza b’mod ħolistiku l-bżonnijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ.

Għandna wkoll il-programm “Ħabbrek” li jaħdem fuq livell ta’ grupp fejn liż-żgħażagħ ngħallmuhom ħiliet u aspetti importanti ħafna b’rabta mal-impjieg. Huma jitgħallmu kif għandhom iġibu ruħhom fuq il-post tax-xogħol, kif għandhom jippreżentaw lilhom infushom u kif l-attitudni fil-ħajja personali tagħhom tista’ taffettwa l-post tax-xogħol. M’aħniex interessati biss li ndaħħluhom fid-dinja tax-xogħol u daqshekk imma li eventwalment jibqgħu fiha u jkunu kuntenti.

Ma waqafniex hemm u l-għan prinċipali tagħna huwa li noffru iktar opportunitajiet liż-żgħażagħ li naħdmu magħhom. Fil-fatt dħalna f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Volontarjat fejn flimkien ma’ numru ta’ NGOs qed nagħtu l-opportunità liż-żgħażagħ biex jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat fejn jingħataw ukoll stipendju żgħir bħala inċentiv. Din il-kollaborazzjoni qed issir bil-għan li nkomplu nsaħħu l-abiltajiet taż-żgħażagħ u nagħtuhom ċans biex ikunu attivi fis-soċjetà li qed jgħixu fiha. Apparti minn hekk hija importanti biex meta eventwalment nkunu qed naħdmu kif għandhom ifasslu s-CV tagħhom ikunu jistgħu jniżżlu dawn l-esperjenzi.

Għandna wkoll l-‘Adolescent day programme’ fejn iż-żgħażagħ li jsegwu u jlestu dan il-programm jiksbu ċertifikat li jiswa daqs livell ta’ O-Level. Dan huwa aktar indirizzat lil dawk li normalment ikunu Form 4 – Form 5 u li s-sistema edukattiva fl-iskejjel tagħna ma tkunx ideali għalihom fejn possibilment ikunu qed iħarbtu wkoll is-sistema li hemm fl-iskejjel jew iħossuhom mitlufa fis-sistema edukattiva tradizzjonali. Għaldaqstant grupp żgħir ta’ żgħażagħ jiġu numru ta’ ġranet fiċ-ċentru tagħna minflok ma jmorru l-iskola u jsegwu programm b’temi differenti. Dan il-programm huwa affiljat mal-Prince Trust.

Għandna wkoll il-Youth Empowerment Inititiatives li huma proġetti u inizjattivi immirati għal żgħażagħ differenti li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tagħna. Norganizzaw numru ta’ inizjattivi bħal bowling, scuba diving, BBQs u attivitajiet oħrajn li jsiru darba kultant bil-parteċipazzjoni tal-youth workers u l-professjonisti tagħna. B’hekk qed nilħqu dawk iż-żgħażagħ li jkun diffiċli joħorġu mid-dar, fejn possibilment jista’ jkollhom il-vizzju tat-teknoloġija jew aspetti oħrajn, u l-fatt li jirnexxielna noħorġuhom mid-dar biex jattendu dawn l-attivitajiet għalina jfisser suċċess kbir.

Programmi oħrajn huma indirizzati għal dawk li jinsabu ‘in care’ fejn nagħmlu interventi differenti fejn niffukaw fuq affarijiet bħal kura personali, fuq l-apprezzament tagħhom infushom u fuq elementi li jistgħu jkunu preżenti fil-ħajja taż-żgħażagħ.

Nintervjenu wkoll fil-ħabs fejn anke permezz tal-Youth Workers norganizzaw sessjonijiet f’ħin stabbilit għal dawk iż-żgħażagħ li jkunu qed jiskontaw sentenza. Dawn iservu bħala mezz biex liż-żgħażagħ nagħtuhom l-ispazju biex jipparteċipaw fi proċess ta’ diskussjonijiet li huwa ferm importanti fil-proċess ta’ riforma tagħhom. F’każ meta jkunu se jiġu rilaxxati fiż-żmien li ġej, inkunu nistgħu naħdmu magħhom biex nippreparawhom biex eventwalment anke meta joħorġu mill-ħabs ikollhom punt ta’ riferenza. Dan jgħin biex ikomplu jistgħu jaċċessaw is-servizzi tagħna f’każ ta’ bżonn.

Apparti minn hekk nużaw interventi oħrajn, fosthom sports, drama u arti, biex liż-żgħażagħ ngħallmuhom ħiliet neċessarji mhux biss biex ikomplu jikbru u jiżviluppaw f’adulti indipendenti iżda fuq kollox biex jitgħallmu jħobbu lilhom infushom u jindunaw bil-kapaċitajiet tagħhom.

Iż-żgħażagħ għandhom potenzjal kbir li jistgħu jbiddlu d-dinja iżda minħabba diversi diffikultajiet li jgħaddu minnhom f’ċertu każijiet dan ma jistax isir. X’esperjenzi tiltaqgħu magħhom u xi sfidi varji jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ li taħdmu magħhom?

Qed nitkellmu fuq żgħażagħ li għandhom diversi sfidi fosthom kwistjonijiet relatati mal-vizzji, kwistjonijiet ta’ imġieba jew kwistjonijiet ta’ saħħa mentali. Dan ifisser li qed nitkellmu fuq ċertu tip ta’ vulnerabiltà u għalhekk nemmnu li dawn iż-żgħażagħ mhumiex problema imma nagħrfu li r-realtà li qed jaffaċjaw hija riżultat ta’ ċirkostanzi differenti fil-ħajja tagħhom. Mhux sew li liż-żgħażagħ niġġudikawhom bħala problematiċi u ngħalqulhom il-bieb.

Fir-rigward ta’ problemi relatati mal-vizzji, għandna nifhmu li ż-żgħażagħ li niltaqgħu magħhom ikunu għadhom fil-fażi fejn jesperimentaw u mhux fażi fejn id-dipendenza tkun qawwija ħafna. B’dan il-ħsieb f’moħħhom, il-professjonisti tagħna jaħdmu kemm fuq l-element ta’ ‘harm reduction’ kif ukoll fuq l-element ta’ ‘natural highs’ li jfisser li tista’ tistrieħ u tħoss l-element ta’ adrenalina mingħajr ma tagħmel affarijiet ta’ ħsara għal saħħtek, fosthom xi sport.

Kif nistgħu nisfruttaw il-potenzjal taż-żgħażagħ vulnerabbli?

Nerġa’ nisħaq li m’għandniex naraw liż-żgħażagħ bħala problema imma rridu narawhom fl-intier tagħhom. Huwa normali li fiż-żmien tal-adoloxxenza jgħaddu minn ċerti bidliet u sfidi li jistgħu jġibu stress fil-ħajja tagħhom. Fl-istess waqt minkejja dawn l-isfidi, irridu nirrealizzaw li ż-żgħażagħ tagħna għandhom ukoll elementi pożittivi fil-ħajja tagħhom.

Huwa tajjeb li naħdmu wkoll fuq dan l-element. Dan ifisser li ma narawx il-problema u naħdmu biex nindirizzawha u nieqfu hemm imma nippruvaw niġbru kemm jista’ jkun informazzjoni u nifhmu x’abiltajiet u x’passatempi għandhom dawn iż-żgħażagħ.

Dan nagħmluh biex infasslu pjan ħolistiku u ffukat biex nagħtuhom is-sapport neċessarju ħalli jagħmlu qabża importanti fil-ħajja tagħhom u b’hekk tassew inkunu qed nisfruttaw il-potenzjal tagħhom. B’hekk nuruhom li huma mhumiex problema imma li aħna naraw il-pożittiv fihom li jaf ma jkunux konxji tiegħu minħabba s-sitwazzjonijiet diffiċli li jkunu qed jgħaddu minnhom.

Kif jistgħu l-ġenituri jifhmu aktar iż-żgħażagħ tagħhom? X’għandhom jagħmlu l-ġenituri jekk forsi qed jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali jew għaddejjin minn diffikultajiet oħrajn?

L-ewwel ħaġa importanti li l-ġenituri jifhmu li filwaqt li jista’ jkun għaddejjin minn mumenti diffiċli, ma jinsabux weħidhom u teżisti l-għajnuna. Għaldaqstant tiddejqux tagħmlu kuntatt magħna biex inkunu nistgħu ngħinukom aħjar.

Bla dubju ta’ xejn meta l-ġenituri jikkoperaw magħna biex jgħinu liż-żgħażagħ, l-interventi li nagħmlu jkollhom bil-wisq aktar impatt. F’każ li anke l-ġenituri jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli u jħossu li tilfu t-tama, għamlu kuntatt magħna ħalli flimkien infasslu pjan. Huwa importanti li l-ġenituri wkoll jieħdu t-terapija li għandhom bżonn. Il-fatt li l-ġenitur jammetti li għandu problema mhix xi ħaġa ta’ dgħjufija imma turi saħħa kbira u tkun qed tagħmel xi ħaġa ta’ ġid kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq il-familja kollha.

Importanti wkoll li l-ġenituri ma jarawx liż-żgħażagħ vulnerabbli bħala problema iżda tajjeb li jifhmu ċ-ċirkostanzi li qed jagħmluhom hekk u li fl-aħħar mill-aħħar hemm il-pożittività fihom. Il-ġenituri għandhom jirrikonoxxu kull pass ‘il quddiem li dak iż-żagħżugħ/a jkunu qed jagħmlu jkun kemm ikun żgħir il-pass anke jekk sempliċement jgħidu l-kelma ‘grazzi’ jew ‘skużani’.

Ċertu ċirkostanzi sfortunatament sirna ma tantx nagħtuhom importanza imma għal dak iż-żagħżugħ/a jistgħu jkunu ta’ importanza kbira u għalhekk tajjeb li nirrikonoxxuhom.

Ċertament li minkejja r-realtajiet diffiċli li jesperjenzaw dawn iż-żgħażagħ jeżistu wkoll stejjer ta’ suċċess li qed joħorġu minn dawn l-inizjattivi. Tista’ telabora?

Fil-ħajja professjonali tagħna niltaqgħu ma’ diversi realtajiet diffiċli preżenti fil-ħajja taż-żgħażagħ iżda nagħmlu kuraġġ meta nisimgħu frażijiet pożittivi bħal: ‘li kieku ma kontux intom il-professjonisti, jien illum ma nafx fejn qiegħed’ jew ‘kieku inti ma għintnix, qatt ma kont nimmaġina li se nidħol fid-dinja tax-xogħol jew nidħol fl-MCAST jew li nista’ nemmen fija nnifsi’.

Dawn huma uħud mill-frażijiet li minkejja forsi ma jagħmlux ħafna ħoss, għalina jfissru suċċess u jkunu biżżejjed biex inkomplu naħdmu b’aktar determinazzjoni biex immexxu liż-żgħażagħ għall-pass ‘il quddiem li għandhom bżonn. B’hekk tassew jisfruttaw il-potenzjal tagħhom u jitgħallmu kif għandhom jgħixu b’mod indipendenti. Parti mis-suċċess tagħna huwa li aħna m’aħniex qegħdin hawn biss għaż-żgħażagħ imma qegħdin hawn magħhom. It-traġitt qed nagħmluh magħhom.

Għalija ż-żgħażagħ ifissru enerġija. Enerġija li minkejja li jistgħu jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli, jistgħu jibnu fuqha u jagħmlu effett pożittiv fil-ħajja tagħhom u ta’ madwarhom.

Iż-żgħażagħ mhumiex biss il-ġenerazzjoni futura imma l-ġenerazzjoni tal-lum. Għalhekk bħala professjonist irrid nirkeb u naħdem fuq din l-enerġija u dan l-element pożittiv għax verament nemmen li minkejja l-isfidi kollha, nafu li jista’ jsir ħafna u ħafna ġid permezz tal-perseveranza u permezz tad-dedikazzjoni li jinvolvi l-proċess attiv ta’ kulħadd.

Tiddejjaqx tagħmel kuntatt magħna permezz ta’ Facebook – Youth Services Malta – jew billi ċċempel fuq 99081858.

Ekonomija

Sport