Il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis appella fil-Parlament biex l-istituzzjonijiet ma jkunux attakkati.
Huwa għamel dan l-appell hekk kif il-Parlament kompla jiddiskuti l-10 abbozzi ta’ liġijiet relatati mar-riformi kostituzzjonali u istituzzjonali li dwarhom se jittieħed vot fis-seduta tal-Erbgħa.
Zammit Lewis sostna li bħalma l-avukati tal-affari tagħhom ma jattakkawx ġudikant anke jekk ma jaqblux ma’ sentenza mogħtija hekk ukoll m’għandhomx jiġu attakkati l-istituzzjonijiet anke jekk iweġġgħu lill-amministrazzjoni
Huwa sostna li l-oġġezzjonijiet tal-Oppożizzjoni għal dawn ir-riformi kienu l-aktar fuq il-kwistjoni tal-‘anti-deadlock’ fuq ħatriet biż-żewġ terzi li dwarhom ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat.
Zammit Lewis semma anke kif bir-riformi li qed iressaq il-Gvern qed inaqqas il-poter tal-Prim Ministru fejn jidħlu ħatriet.
Min-naħa tiegħu, il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar il-ġustizzja Chris Said sostna li l-Gvern kien jinsab dahru mal-ħajt minħabba li dak li għamel fl-aħħar seba’ snin tefa l-lenti internazzjonali fuqu.
L-abbozzi li jrid jivvota dwarhom il-Parlament jinkludu l-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika u l-membri tal-ġudikatura kif ukoll it-tneħħija tal-istess ġudikanti.
Dawn it-tliet abbozzi ta’ liġijiet li jemendaw il-Kostituzzjoni jeħtieġu l-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-voti fil-Kamra tad-Deputati.
L-abbozzi l-oħra jittrattaw ir-riforma fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Ombudsman, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, il-ħatra tas-segretarji permanenti ewlenin u tas-segretarji permanenti, il-ħatriet ta’ karigi għolja fil-pajjiż u l-ħatriet ta’ persuni ta’ fiduċja.