Tuesday, November 4, 2025

‘Ejja napprezzaw il-ħajja … ejja ngħixuha bil-qalb … dak hu l-veru kuraġġ’ – Daniel Cauchi

Aqra wkoll

Fid-dinja tal-mużika, hemm proġetti li ma jitqanqlux biss mill-artisti imma mill-umanità li hemm warajhom. Wieħed minn dawn huwa “Kuraġġ”, kunċert li se jerġa’ jsir għat-tieni sena konsekuttiva ġewwa t-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, taħt l-awspiċji tal-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF). Din mhix sempliċi serata mużikali, imma vjaġġ emozzjonali ta’ reżiljenza, fidi u tama, kif jispjega Daniel Cauchi, id-Direttur Mużikali tal-proġett u wkoll il-kantant magħruf tal-Big Band Brothers f’intervista li għamilnilu għal dan is-sit.

“Kuraġġ mhux kunċert ta’ dieqa jew qsim il-qalb,” jibda jgħid Daniel b’ton li jġorr miegħu sens ta’ rispett lejn kull storja li se tinqasam fuq il-palk. “Imma hu kunċert dwar il-qawwa tal-bniedem dwar dawk il-mumenti fejn minkejja l-uġigħ jew it-telfa, il-bniedem jagħżel li jqum, jħaddan il-ħajja u jkompli jimxi ‘l quddiem.”

Cauchi jirrakkonta kif sentejn ilu, flimkien ma’ Yanis Azzopardi, ħareġ l-idea li joħolqu kunċert li jgħaqqad il-mużika mal-istorja personali tal-pazjenti li b’xi mod jew ieħor ibbenefikaw mill-għajnuna tal-MCCFF. “Rajna li hemm ħafna stejjer li għandhom jiġu mismugħa,” jgħid hu. “Kull pazjent jew familjari jagħżel kanzunetta li għalihom għandha tifsira forsi dedikata lil xi ħadd li tilef ħajtu, jew kanzunetta li tħeġġeġhom jittamaw. 

Minn hemm bnejna kunċert sħiħ madwar dawn ix-xewqat.”

Il-kunċert “Kuraġġ” għalhekk huwa taħlita ta’ mużika u emozzjoni vera, fejn il-kanzunetti magħżula jiġu interpretati b’sens ta’ dedikazzjoni u empatija. L-iskript miktub minn Gabriel Lia jieħu l-ħajja permezz tan-narrazzjoni tal-attur Pawlu Portelli, li permezz tal-leħen tiegħu jgħaqqad il-mumenti kollha f’vjaġġ ta’ riflessjoni u tama.

“Il-mużika għandha poter kbir li tfejjaq,” jgħid Cauchi b’emozzjoni fil-leħen tiegħu. 

“Meta tkun għaddej minn żmien diffiċli, kanzunetta tista’ tkun bħall-idejn ta’ xi ħadd li qed iħaddnek. Dak hu Kuraġġ, mużika li tgħannaq u tfakkrek li qiegħed ma’ ħaddieħor fil-vjaġġ tiegħek.”

Il-proġett hu wkoll opportunità biex jitwassal messaġġ ta’ solidarjetà u appoġġ lejn dawk li jġorru l-piż tal-mard jew tat-telfa. “Kull sena niltaqgħu ma’ nies ġodda, b’esperjenzi ġodda,” jgħid Daniel. “Xi drabi pazjenti jixtiequ jagħmlu tribut lil xi ħadd li miet. Xi drabi huma nfushom iridu jiddedikaw kanzunetta bħala ringrazzjament. Aħna nkunu hemm biex inwasslu dik l-emozzjoni permezz tal-mużika.”

Il-kunċert se jinkludi parteċipazzjoni mill-Big Band Brothers flimkien ma’ numru ta’ kantanti popolari Maltin fosthom Sarah Bonnici, Jolene Samhan, Brooke Borg, Matthew James Borg, Ryan Hili, Kris Spiteri, kif ukoll Vocal Troupes u kantanti tfal. Din it-taħlita tagħti lill-kunċert dimensjoni interġenerazzjonali minn vuċijiet żgħażagħ li jħaddmu t-tama, għal artisti stabbiliti li jġorru magħhom esperjenza u maturità emozzjonali.

Id-direzzjoni artistika hija f’idejn Yanis Azzopardi, filwaqt li Daniel Cauchi jieħu ħsieb id-direzzjoni mużikali. “Aħna nkunu tim wieħed,” jgħid Daniel. “Jien nieħu ħsieb il-parti mużikali, iżda kull nota u kull silta jgħaddu mill-istess filtru ta’ rispett u sens ta’ kuraġġ. 

Hu proġett li jinbena fuq il-fidi, il-familja u l-ħajja nnifisha.”

Sadanittant il-President tar-Repubblika, Myriam Spiteri Debono, waqt it-tnedija tal-kunċert, saħqet fuq l-importanza li għandu l-MCCFF biex jgħin lil min hu fil-bżonn mhux biss finanzjarjament imma anke b’kuragg u tama. “Il-kelma Kuraġġ ġejja minn Cuore u Raġġ il-qalb u r-raġġ ta’ tama,” spjegat il-President. “U dan il-proġett eżattament jirrappreżenta dan, qalb li tħoss u raġġ li jdawwal.”

Cauchi jaqbel kompletament ma’ din l-interpretazzjoni. “Il-mużika tal-Kuraġġ hija dik ir-raġġ li jnissel fidwa. Meta nkunu fuq il-palk u naraw l-għajnejn tal-udjenza, naraw kemm il-messaġġ laqat. Hija esperjenza li tgħaqqad kulħadd, il-mużiċisti, il-pazjenti, il-familjari, u kull min jattendi.”

Meta staqsejtu x’inhi l-akbar sfida li jħoss f’dan il-proġett, Daniel wieġeb b’sinċerità: “Li nibqgħu veru mal-emozzjonijiet tan-nies. M’hemmx post għal nuqqas ta’ oriġinalita’ f’Kuraġġ. Dak li ngħidu jew inkantaw irid jiġi mill-qalb. Il-pubbliku jħoss meta inti sinċier.”

Hu jżid li kull sena l-esperjenza tkun differenti għax il-ħajja tal-pazjenti dejjem tinbidel. “Xi drabi xi ħadd li ltaqgħet miegħu s-sena ta’ qabel jista’ ma jibqax magħna, u dan jagħti tifsira ġdida lill-kunċert. Imma minn kull telfa, jitwieled ukoll mument ta’ rikonoxximent u tama.”

Il-kunċert għandu wkoll għan nobbli ieħor dak li jiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation, li kull sena tgħin eluf ta’ pazjenti permezz ta’ mediċini, trattamenti u assistenza soċjali. “Il-komunità Maltija dejjem turi qalbha kbira,” jgħid Daniel. “Nispera li din is-sena wkoll, in-nies jiġu, jappoġġjaw, u jħossu parti minn dan il-vjaġġ. Kull biljett li jinxtraw huwa dawl għal xi ħadd li għandu bżonn.”

“Kuraġġ” mhux biss joffri spettaklu mużikali imma esperjenza ta’ fejqan kollettiv. Kif jgħid Daniel: “Meta tkun fil-preżenza ta’ mużika li ġejja mill-qalb, tħoss li l-ħajja għadha sabiħa minkejja kollox. Dik hija l-qawwa ta’ dan il-proġett — li jfakkarna li anke fit-tbatija, hemm dejjem raġġ ta’ dawl.”

Il-kunċert “Kuraġġ” se jsir fit-7, 8 u 9 ta’ Novembru fit-Teatru Salesjan, Tas-Sliema. Il-biljetti jistgħu jinxtraw online u l-fondi kollha se jmorru għall-MCCFF.

Meta tlabtu jagħlaq b’messaġġ għall-pubbliku, Daniel wieġeb b’sentenza sempliċi imma qawwija:

“Ejja napprezzaw il-ħajja. Ejja ngħixuha bil-qalb. Dak hu l-veru kuraġġ.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport