Bħal kull sena, Horizons se jkunu preżenti fil-Festival tal-Ktieb bejn l-4 u d-9 ta’ Novembru, l-MFCC Ta’ Qali, U kif jistennew il-qarrejja kull sena, se jkollna numru ta’ rumanzi u novelli ġodda li kienu ppubblikati f’dawn l-aħħar ġimgħat.
Michael Cini jirritorna b’rumanz li diġa’ nbiegħ ħafna fil-ftit xhur li ilu li ħareġ. Mifrux fuq żewġ volumi, din hi l-istorja ta’ prostituta. Għaliex sewwa jgħidu li għall-imħabba vera, tkun lest li tagħmel kollox. Kherson, Bejn it-Tama u l-Qlubija huwa l-ahhar rumanz-thriller tal-awtur Ben Agius.
Ktieb li jekk tibda taqrah ma titilqux minn idejk. Rumanz mexxej li jispira ruħu fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna. Bħal kull sena, l-awtur bravu veteran Salv Sammut ukoll joffrilna rumanz ġdid – Ħarġet il-Qalb … fit-Telfa tat-Teżor. Fl-istorja nsegwu sigriet li nżamm mistur matul deċennji sħaħ. Fl-istess waqt ukoll se nintroduċu awtur ġdid, Joe Cardona, bir-rumanz tiegħu Bint l-Imħabba Miċħuda.
Horizons se joffru wkoll għażla ta’ novelli sbieħ. Din is-sena se jkollhom tliet awturi, wieħed minnhom ġdid, u qed jippreżentaw L-Aħħar Żifna u Stejjer oħra (Edgar Formosa), Il-Ħajt Għandu Widintu u Stejjer Oħra (Christopher Attard Biancardi) u Fil-Gżira Apatija u Rakkonti Skomdi Oħra (Dr Patrick Sammut).
Charles Flores se jkun magħna bi ktieb tassew interessanti, Ras il-Għajn. Ġabra ta’ memoirs personali mimlija stejjer u aneddoti fit-tliet oqsma li fihom, Charles Flores sawwar il-karriera tiegħu – il-ġurnaliżmu stampat, ix-xandir, u l-letteratura.
Finalment se jkollna żewġ kotba sbieħ għat-tfal, it-tnejn li huma b’messaġġ pożittiv favur l-ambjent. Ulied il-Wied, ta’ Ben Agius, reġa’ kien stampat għat-tieni darba wara li dis-sena rebaħ il-Premju Terramaxka. L-ieħor huwa Milied Aħdar f’Ħal Wiżwed, ta’ David Aloisio, li jista’ jkun rigal sabiħ ħafna lit-tfal għal dal-Milied.

