Nhar l-1 ta’ Mejju, bħal kull sena, pajjiżna jingħaqad ma’ ħafna pajjiżi oħra biex jiċċelebra l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem. Il-jum iddedikat għal dak kollu li għamlu l-ħaddiema matul is-snin.
Il-General Workers’ Union, l-akbar trejdunjin tal-pajjiż, li sservi bħala t-tarka u l-vuċi għal eluf ta’ ħaddiema, din is-sena se tkun qed tiċċelebra din il-ġurnata daqstant importanti għaliha fil-Belt Valletta.
Ġurnata fejn mhux biss niċċelebraw il-passat imma nħarsu wkoll lejn l-isfidi u l-opportunitajiet tal-futur.
L-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU, Segretarji tat-Taqsimiet u uffiċjali oħra se jkunu qegħdin jiltaqgħu biex flimkien ifakkru l-importanza tal-ħaddiem.
“Il-General Workers’ Union tħeġġeġ lill-membri kollha tagħha biex din is-sena jingħaqdu magħha biex flimkien niċċelebraw il-ħaddiem. Il-ħaddiem li joħroġ jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum għalih u għall-familja tiegħu, għal kwalità ta’ ħajja mill-aħjar kif jixraqlu.
“Flimkien infakkru l-ġlidiet li għamlu ta’ qabilna matul is-snin għall-kisba ta’ aktar libertajiet u drittijiet, fosthom titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.”
Kisbiet li se tkompli taħdem fuqhom biex permezz tad-djalogu soċjali, il-kooperazzjoni u l-progress, b’ħidma id f’id mal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tkompli tibni suq tax-xogħol aktar b’saħħtu u aktar ġust, għall-aqwa benefiċċji għall-ħaddiema f’pajjiżna biex tiżgura pagi ġusti, kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, u s-sigurtà tal-impjieg.