Tuesday, July 8, 2025

‘Ejjew inħallu lit-tfal jesprimu l-ideat tagħhom fil-logħba tal-futbol u jkunu kreattivi, speċjalment dawk ta’ etá żgħira’ – Richard Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont żgħir u z-ziju kien jeħodni l-grawnd meta kien għadu jilgħab mat-tim tal-kbar ta’ Birkirkara FC. Dak kien l-ewwel pass tiegħi lejn il-logħba tal-futbol li tant inħobb.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Kowċ tat-tim ta’ taħt is-17-il sena ta’ Melita FC?

Qed inħares b ottimiżmu, entużjażmu u pożittivitá lejn l-iżvilupp ta’ dawn it-tfal. Kull tim li nikkowcja jew ikkowcjajt hija esperjenza differenti mill-oħra, peró dan il- grupp li ħafna mill-plejers nafhom sew, huwa grupp speċjali li jagħmluh grupp uniku.

Kemm se tkun qed taħdem mill-qrib mal-kowċ tat-tim tal-kbar ta’ Melita FC, Brian Said?

L-iskop hu li niżvilupaw plejers li jistgħu jilagħbu f’livell għoli speċjalment mat-tim tal-kbar u meta jaslu għal dak il-livell, il-kowċ tal kbar ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu plejers lesti u li jimxu fuq l-istess filosofija tal-klabb. 

Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Melita FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-Nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?

Din hi filosofija tal-klabb li minn dejjem kienet hekk, li kemm jista’ jkun jużaw prodotti tan-Nursery tagħna. Dejjem emminna bħala klabb li l-ewwel jiġi l-iżvilupp tal-plejer u mbagħad ir-rebħ. Isir investiment fuq kowċis billi tingaġġa kowċis li jaqblu u li jkollhom l-istess viżjoni tal-klabb. Bħala klabb Melita FC huma rinomati li jagħtu ċans lil tfal li huma prodott tagħhom. 

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Il-livell tal-grassroots f’pajjiżna huwa tajjeb ħafna u hawn ħafna tfal li għandhom livell teknikament tajjeb. Peró, imbagħad jidħlu ħafna fatturi meta jikbru. Ovvjament, xejn m’hawn faċli u trid taħdem biex tirnexxi, li b’dedikazzjoni u determinazzjoni tista’ tasal. Ejjew inħallu lit-tfal jesprimu l-ideat tagħhom fil-logħba tal-futbol u jkunu kreattivi, speċjalment dawk ta’ etá żgħira!

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol Malti nbidel ħafna u sar titjib minn ħafna aspetti. Il-klabbs investew biex ikollom l-aħjar kowċis fost ħafna affarijiet oħra bħall-faċilitajiet, teknoloġija, u struttura tal-klabbs eċċ. Fejn jidħlu plejers qed jinġiebu barranin ta’ kwalitá biex jgħollu l-livell tal-logħba tal-futbol u forsi oħrajn b’inqas kwalitá. Onestament, nippreferi li nara aktar prodott Malti fil-pitch u b’hekk jiggwadanja t-tim nazzjonali Malti. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?

Hawn ħafna klabbs li għandhom il-grawnd tagħhom u hawn min m’għandux. Tkun aktar diffiċli għal dak il-klabb li m’għandux grawnd tiegħu fejn jitħarreġ għal ħafna raġunijiet. Bħala klabb Melita FC aħna fortunati li għandna l-grawnd tagħna li jiffaċilita diffikultajiet li tiltaqa’ magħhom kuljum. Bħaal faċilitajiet huma tajbin ħafna u t-tfal dak li jixirqilhom!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-ħolma tiegħi li xi darba nkun kowċ ma’ xi tim tal-kbar, peró dawn huma sitwazzjonijiet li tara biż-żmien għalkemm l-iżvilupp tal-plejer fejn jidħol livell tal-youths jogħġobni ħafna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-ewwel ħaga kif aċċennajt b’determinazzjoni, dedikazzjoni u rieda tista’ tasal fejn tixtieq. Trid temmen fik innifsek u fil-kapaċitajiet tiegħek biex tirnexxi. 

Kif jgħidu bl-Ingliż: “If you fail, let the fear of failure help you to succeed!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport