Saturday, November 16, 2024

“Ejjew inżommu s-silenzju, nieqfu niktbu kontra xulxin, nieqfu nkunu ta’ dak jew tal-ieħor u nkunu kollha Nazzjonalisti”

Aqra wkoll

“Din il-ġimgħa, ejjew inżommu s-silenzju, ejjew nieqfu niktbu kontra xulxin, ejjew nieqfu nkunu ta’ dak jew tal-ieħor u nkunu kollha Nazzjonalisti, kollha Maltin.” Hekk saħaq id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo f’appell li għamel fuq il-midja soċjali fir-rigward tal-ġlied intern li ħakem lill-Partit Nazzjonalista wara li l-ġimgħa li għaddiet Adrian Delia kien sfiduċjat f’vot sigriet mill-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

L-appell ta’ Vassallo qed isir fl-isfond ta’ pressjoni mill-kamp favur Delia fil-konfront tal-kumitat eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex f’laqgħa li mistennija li tiżvolġi għada jitkeċċew id-19-il deputat li sfiduċjaw lil Delia.

Vassallo żied jappella lill-midja biex twaqqaf l-attakki kontra l-Partit Nazzjonalista. Huwa ddefinixxa bħala kontradizzjoni l-fatt li wieħed ikun kontra l-korruzzjoni u fl-istess waqt jipprova jkisser lill-PN.

Intant b’referenza għall-bosta messaġġi u attakki li saru minn persuni viċin ħafna tal-Partti Nazzjonalista fuq il-midja soċjali u mhux biss, Vassallo żied jgħid li “lil dawk li huma Nazzjonalisti, nieqfu nitkellmu kontra xulxin u nagħtu l-opportunità li nfittxu x’jista’ jġibna flimkien.”

Fuq kollox huwa appella biex titwarrab il-mibegħda u l-egoiżmu.

“Malta teħtieġ PN b’saħħtu. Ejjew nieqfu ngħidu kontra xulxin, dejjem jekk hemm rieda tajba,” żied jisħaq id-Deputat Nazzjonalista. “Nitlobkom aħsbu biss bla ma tiktbu kummenti. Ejjew nagħtu l-opportunità lir-raġuni tieħu over din il-ġimgħa li qed tibda.”

Ekonomija

Sport